Adozzjoni waħda biss matul is-sena li għaddiet

Minn Victor Vella 

Ir-realtà tal-imxija tal-Covid19 wasslet biex f’pajjiżna għandna għadd ta’ koppji li jinsabu imwaħħlin fejn jidħlu l-adozzjonijiet u dan minħabba ir-restrizzjonijiet li kienu saru fl-ivvjaġġar u l-fruntieri.  Filfatt IT-TORĊA hi infurmata li matul is-sena 2020, saret biss adozzjoni waħda.  Koppja li tkellmet ma’ Inewsmalta qaltilna li “qegħdin nistennew bil-ħerqa kollha li jibdew jinfetħu l-fruntieri ħalli nibdew il-proċess biex nadottaw. Nafu li għandna kważi kollox lest. Nistennew irridu. L-istennija hi ta’ qtigħ il-qalb”.

Informazzjoni li ngħatat lil inewsmalta mid-Direttur Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ), Remenda Grech, intqal li matul jekk wieħed jagħti ħarsa lejn dawk li bdew proċeduri  biex jadottaw, narawli fis-sena 2018 kien hemm 53, fis-sena 2019 kien hemm 36 koppja, waqqt li fis-sena 2020 kien hemm 38 koppja.  

Mistoqsijin dwar kemm kien hemm adozzjonijiet matul is-sena 2020, u kif dan jikkompara mas-snin ta’ qabel, qaltilna li “fis-sena 2018 kien hemm ħames adozzjonijiet. Ma’ dawn kien hemm erba’  “matches’ li dawn it-tfal ġew adottati mill-Qorti ta’ Malta fis-sena 2019.   Fis-sena 2019 kien hemm tminn adozzjonijiet u magħhom ħames ‘matches’ li erba’ minn dawn it-tfal għadhom fil-proċess biex jiġu adottati mil-Qorti ta’ Malta fis-sena 2021.”

Imbagħad fis-sena 2020 kien hemm adozzjoni waħda u ma’ din kien hemm tminn ‘matches’.   Inqal li waħda ġiet adottata fis-sena 2020 mill-Qorti ta’ Malta u seba’ li għadhom fil-proċess biex jiġu adottati mill-Qorti ta’ Malta fis-sena 2021.

Id-Direttur Remenda Grech qaltilna li “l-pandemija għenet sabiex familji u individwi jagħmlu aktar kuraġġ u javviċinaw is-servizz tal-adozzjoni. Il-korsijiet tal-adozzjoni baqgħu għaddejjin, anzi żdiedu, fin-numru tal-parteċipazzjoni u l-frekwenza. Kultant għen li xi laqghat isiru online minħabba li familji u individwi setgħu jagħmlu dawn il-laqgħat minn fejn ikunu. Minkejja dan, l-assessjar tal-familji xorta waħda baqa’ jsir fid-djar tal-applikanti sabiex niżguraw dejjem l-aħjar interess tat-tfal u finalment tal-familji kollha. Apparti minn dan, il-pandemija għenet sabiex is-servizz tal-adozzjoni jikkomunika dejjem aħjar b’permezz tat-teknoloġija moderna mal-pajjiżi kkonċernati. Allura għenet sabiex naħdmu aktar fil-qrib ta’ xulxin u nibnu relazzjoni aħjar. Dan kif diġa’ kien imsemmi, dejjem għall-ahjar interess tat-tfal u tal-familji tagħna.”  

Saħqet li “hu fenomenu nnutat madwar id-dinja kollha li l-ammont ta’ adozzjonijiet internazzjonali qegħdin jonqsu. Dan għax anke skont il-Hague Convention, kull pajjiż għandu jagħmel l-isforzi tiegħu kollha sabiex tfal jiġu addottati fil-pajjiż stess. Qiegħed ukoll jinbidel il-profil ta’ tfal li jingħataw għal adozzjoni internazzjonali, bit-tfal ikunu il-fuq min ħames snin u ħafna drabi saħansitra jkunu aħwa flimkien.”

Enfasizzat li “d-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) matul l-2020 bidel il-proċeduri tiegħu sabiex jilqa’ għal iktar eventwalitajiet ta’ adozzjonijiet lokali. Kapitolu 602 tal-Liġiijiet ta’ Malta, li ġie nfurzat f’Lulju 2020, jagħti possibilità lil tfal f’kura alternattiva u li ma hemmx possibilità ta’ re-integrazzjoni, li jiġu addottati f’Malta stess.  Id-Direttorat diġa qed iħejji għal diversi każijiet u matul l-2021 ser ikun qed jagħmel diversi talbiet sabiex dan iseħħ.”

Sostniet li “d-Direttorat jisħaq ukoll li għandha tiddaħħal proċedura iktar rigoruża sabiex tagħmel adozzjonijiet ta’ tfal żgħar f’Malta stess iktar possibbli u għaldaqstant, lil hinn mill-minuri li diġa qegħdin f’kura alternattiva, id-Direttorat għadda wkoll il-proposti tiegħu waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni hekk kif preżentament f’Malta għaddeja ħidma sabiex tiġi emendata l-ligi tal-adozzjoni tal-pajjiż.  Fid-dawl ta’ dan kollu, d-Direttorat Kura Alternattiva għaddej b’ħidma sfiqa fis-servizz tal-addozzjoni sabiex jaddatta u jtejjeb dejjem iktar is-servizz mogħti f’dan is-settur. Dawk kollha interessati li jirċievu iktar informazzjoni dwar l-addozzjoni huma mitluba li jagħmlu kuntatt mas-servizz fuq 99262639 jew permezz tal-email alternativecare@gov.mt.”

Share With: