48 ħaddiem promossi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, 48 ħaddiem kienu promossi għall-grad ta’ Leading Assistant Rescue Officer (LARO), biex b’hekk bdew pass ieħor fil-karriera tagħhom fi ħdan l-istess Dipartiment. Dan il-pass ikompli jsaħħaħ ir-riżors uman fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, hekk kif id-diversi stazzjonijiet tat-tifi tan-nar madwar il-pajjiż jkunu msaħħa b’iktar persuni li jġorru ċerti responsabbiltajiet.

Fiċ-ċerimonja tal-ħatra ġewwa l-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif dan l-irwol ipoġġi iktar piż fuq kull ħaddiem u għaldaqstant appella biex il-ħaddiema jkomplu jitħarrġu u jwessgħu l-għarfien tagħhom. “Ibqgħu aħdmu biex tiksbu aktar suċċessi. B’hekk tistgħu tagħtu kontribut akbar lill-pajjiż,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru tkellem dwar sensiela ta’ investimenti li l-gvern qed jagħmel fil-forzi tal-ordni, fosthom il-Protezzjoni Ċivili, li matul dawn l-aħħar ġimgħat nediet numru ta’ proġetti ġodda. Fost oħrajn, tlestiet teknoloġija avvanzata fil-kamra tal-kontroll biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jwieġeb b’iktar effiċjenza għal sejħiet ta’ emerġenza. Dan minbarra investiment ta’ miljuni ta’ ewro oħra f’apparat ġdid.

Fil-messaġġ tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila spjega kif id-dipartiment qed jikber u għalhekk it-tisħiħ tar-riżors uman huwa kruċjali biex jibqa’ jkun effettiv kull meta jkun imsejjaħ. Huwa qal kif l-investiment li qed isir fit-taħriġ qed jgħin sabiex il-ħaddiema jkunu dejjem fuq quddiem nett u kapaċi jaffaċċjaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fuq ix-xogħol.

Share With: