18-il xahar ħabs wara li kellu d-droga fl-MCAST

Żagħżugħ ta’ 25 sena li joqgħod il-Ħamrun kien ikkundannat 18-il xahar ħabs u immultat €1,000 wara li nqabad bil-pussess tad-droga fuq il-kampus tal-MCAST fil-Mosta u waqt partuy f’Għawdex.

Adrian Zammit kien mixli li fis-26 ta’ Frar 2017 kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis, l-ecstasy u l-kokaina; li kellu dawn id-drogi f’distanza ta’ 100 metru minn fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li ittraffika l-kannabis.

Huwa kien mixli wkoll li bejn l-2015 u l-2016 kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis; li fil-25 ta’ Frar 2017 u t-tliet snin ta’ qabel ukoll kellu l-istess droga, l-ecstasy u l-kokaina kif ukoll li kiser żewġ sentenzi ta’ maġistrati.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fl-14 ta’ Ottubru 2016 meta pulizija mill-Iskwadra kontra d-Droga wettqu spezzjonijet fl-MCAST tal-Mosta u arrestaw lil Zammit wara li sabulu ‘sachets’ vojta u nofs gramma suspettata kannabis.

Huwa nsista li kienet għall-użu personali tiegħu u ngħata l-‘police bail bil-kundizzjoni li jirrapporta l-għassa fl-1 ta’ Diċembru 2016 imma ma marx.

Fis-26 ta’ Frar 2017, waqt party f’Għawdex, Zammit reġa’ kien arrestat wara li l-pulizija sabulu 25 pillola ecstasy, tmien grammi kannabis u nofs gramma kokaina.

Zammit ammetta li kien se jbiegħhom u li kien ibiegħ madwar ħames pakketti fil-ġimgħa. Għalkemm wiegħed lill-pulizja li jgħinhom m’għamilx dan minkejja li ngħata l-‘police bail’.

Wara li semgħet ix-xhieda ta’ diversi pulizija u esperti tal-Qorti, il-Maġistrat Doreen Clarke sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih mill-Ispettur Jonathan Cassar.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija ikkunsidrat il-fatt li huwa kien ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu imma baqa jippersisti fit-triq li qabad.

Share With: