12-il sena ta’ “The Convenience Shop”

Kollox beda 12-il sena ilu, meta nfetaħ l-ewwel ħanut f’Ħaż-Żebbuġ.

Ivan Calleja, u Joseph Pace kienu l-moħħ ta’ dan il-kunċett 12-iI sena ilu, billi ħassew li għandu jkun hawn ħwienet konvinjenti, jiġifieri minn kmieni filgħodu sa tard bil-lejl, Ħdud u festi li jserrħulek rasek li ssibhom miftuħa għal kull ħaġa li tista’ tonqsok, jew tiġi bżonn.

Il-ħanut f’Ħaż-Żebbuġ mill-ewwel beda juri kemm ħwienet bħal dawn kienu meħtieġa għax intlaqa’  mill-ewwel b’suċċess. Meta raw hekk, bdew jaħsbu fuq il-lokalità tat-tieni ħanut. Ħadmu qatieħ, u b’determinazzjoni ddeċidew li għandu jkun hawn aktar minn ħanut wieħed ta’ dan it-tip.

Sfortunatament, tliet ġimgħat biss mill-ftuħ tal-ewwel ħanut , mart Ivan Calleja ħalliet lil din id-dinja bħal sajjetta fil-bnazzi. Dan ma kien faċli xejn fil-bidu ta’negozju li jirrikjedi ħafna attenzjoni. Is-Sur Pace, kien ta’ spalla għal Ivan flimkien ma’ ħafna ħbieb tagħhom li kienu jafu personali lill-mara tiegħu.

Ivan ħass iI-weġgħa ta’ ħafna nies li jitilfu lil xi ħadd qrib jew tal-familja, kif ukoll innota l-ġid li jagħmlu fondazzjonijiet bħal Puttinu Cares meta tiġi bżonn l-għajnuna tagħhom.

Minn hemm iż-żewġ diretturi flimkien bdew ikunu t’għajnuna għal ħafna nies bi bżonnijiet soċjali. Kien Novembru tal-istess sena meta nfetaħ it-tieni ħanut fl-Imsida, ftit wara ġie inawgurat it-tielet ħanut fiż-Żejtun u ħanut wara ħanut , illum b’total ta’ 72 ħanut, minn ħames impjegati, preżentament din il-kumpanija tħaddem magħha aktar minn 450 impjegat.

Għalkemm jistqarru li dan iż-żmien li ninsabu fih, huwa diffiċli għal kulħadd, kien ta’ sfida kbira għall-kumpaniji kollha, b’wiċċhom minn quddiem jikkonfermaw li żammew magħhom  lill-impjegati kollha, u grazzi għat-tim kollu mmexxi mis-CEO Martin Agius ħadmu biex ikunu ta’ aktar konvinjenza għall-klijenti tagħhom billi bdew ukoll is-servizz ‘online express delivery’ għal dawk il-persuni li jħossuhom aktar komdi li jixtru minn ġewwa djarhom.

The Convenience Group, illum b’erba’diretturi, Emanuel Piscopo u Dr Kevin Deguara flimkien ma’ Joseph Pace u Ivan Calleja, kienu t’għajnuna għal ħafna entitajiet fosthom Trust Foundation, Community Chest Fund, Caritas u aktar. Fi żmien l-aktar diffiċli tal-pandemija, ħafna familji fil-bżonn huma xhieda ta’ għajnuna li rċevew mill-istess grupp billi tqassmet lilhom xirja regolari għal perjodu ta’ żmien.

Tliet snin ilu nfetaħ ħanut ġewwa Ħal Qormi bil-qligħ kollu jmur għal Puttinu Cares, dan sabiex din il-fondazzjoni jkollha dħul is-sena kollha biex tkompli tgħin aktar familji.

L-istess kumpanija flimkien ma’ xi kumpaniji oħra li ngħaqdu ma’ Ivan Calleja għal dan il-ġest sabiħ , se tkun instrumentali sabiex aktar tard din is-sena se tkun qed tinfetaħ skola tal-mużika għal tfal bl-awtiżmu. Dan kollu bil-ħidma ta’ The Malta Trust Foundation.

Dan u aktar huwa s-suċċess ta’ 12-il sena ta’ The Convenience Group.

Filwaqt li nawgurwlhom aktar suċċess, nirringrazzjawhom minn qalbna għall-qalb kbira tagħhom. Awguri!

Share With: