Żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura f’Ħal Qormi

Żewġt irġiel, ta’ 24 sena u 18-il sena, ġew arrestati b’rabta ma’ investigazzjoni ta’ ħruq ta’ vettura erbat ijiem ilu f’Ħal Qormi.

Mill-investigazzjonijiet illi saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien mad-Distrett ta’ Ħal Qormi, il-pulizija rnexxielha tidentifika liż-żewġ persuni li allegatament wettqu dan ir-reat. Wara sigħat ta’ sorveljanza, il-pulizija stabilixxiet fejn kienu u ċċirkondaw residenza fil-Gżira. Fiha kien hemm iż-żewġ persuni mfittxija u ġew arrestati.

Il-każ seħħ fit-22 ta’ Jannar li għadda, meta xi s-7:30 p.m, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi ġew infurmati li kien hemm vann qiegħed jaqbad fi Triq Tumas Fenech, Ħal Qormi. Intalbet l-assistenza tal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien, waqt li żewġ residenzi li quddiemhom kien ipparkkjat il-vann ġarrbu xi ħsarat kawża tan-nugrufun. B’dan il-każ infetħet ukoll inkjesta maġisterjali.

Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, bl- investigazzjonijet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: