“Waqt li nkeffen anzjan nibqa’ niċċassa lejn il-wiċċ u qalbi tinqasam” – Carl Abela

Minn Victor Vella

F’nofs pandemija ħalla kollox u beda jgħix f’pajjiż barrani. Telaq ix-xogħol tajjeb li kellu. Ħalla l-familja u l-ħbiebu.  Spiċċa waħdu fir-Renju Unit. Immaġinaw ftit fl-eqqel tal-pandemija u b’ħafna restrizzjonijiet, inti tkun tgħix waħdek f’pajjiż ieħor. Kif jgħid hu stess jħoss in-nuqqas ta’ pajjiżna.  Fir-Renju Unit, Carl hu wieħed  minn ħafna ħaddiema barranin li qegħdin jagħtu servizz fl-isptarijiet billi jservu u jikkuraw pażjenti morda fosthom dawk bil-Covid19.  Jiddikjara ma’ Inewsmalta s-sofferenzi li jara ma’ wiċċu. Jitkellem fuq l-agħar mumenti.  “L-iktar sofferenza li nħoss  hi dik ta’ meta ikolli inkeffen anzjan li jkun għadu kemm miet bil-Covid u l-qraba tiegħu ma jkunux setgħu ituh l-aħħar tislima. Kemm il-darba waqt li inkun qed inkeffen nibqa’ niċċassa lejn il-wiċċ tal-pazjent u qalbi tinqasam”, jirrakkonta Carl.

Dwar ix-xogħol tiegħu fir-Renju Unit u f’pandemija, kif inbidlet il-ġurnata tiegħu bil-problemi kollha li jiffaċċja, Karl jgħidilna li “aħna minn dejjem konna tgħallimna fix-xogħol to ‘expect the unexpected’. Il-ġurnata inbidlet daqsxejn għall-fatt li ġieli filgħodu ikollok pazjenti li ma jkunux morda bil-Covid imbagħad wara nofsinhar il-pazjenti jiġu trasferiti ġo swali oħrajn jew jibagħtuhom id-dar ħalli jagħmlu spazju għall-pazjenti ġejjin mill-Emergenza li ikunu bil-Covid. Ġieli kellna każ fejn ikun hemm pazjent pożittiv bil-Covid li jkun qiegħed ġo sala ma’ pazjenti li m’humiex bil-Covid. F’dan il-każ is-sala tingħalaq, il-pazjent jiġi trasferit ġo sala tal-Covid u il-pazjenti li kienu miegħu jiġu ittestjati għall-Covid.”

Fil-bidu tal-pandemija kont ftit imbeżża…tlaqt 

mid-dar biex ma nkunx ta’ riskju għal ġenituri

Nistaqsuh dwar il-fatt li hawn infermieri li anke esprimew ruħhom li ġieli għaddilhom ħsieb ta’ biża’ meta jkunu sejrin għax-xogħol u dan minħabba r-riskju li jistgħu jieħdu l-virus. 

Carl jenfasizza li “fil-bidu tal-pandemija kont xi ftit imbeżża. Dak iż-żmien kont għadni qed ngħix Malta. Fil-bidu ta’ dan kollu kont iddeċidejt biex nitlaq mid-dar u nmur ngħix għal rasi għal fatt li ma ridtx li l-ġenoturi tiegħi jispiċċaw esposti għal dan il-virus jew jispiċċaw ġo kwarantina. Niftakar li dak iż-żmien kont nirrifjuta kull stedina li kienu jagħmluli il-ġenituri biex niltaqgħu. Maż-żmien iddeċidejt li  niltaqgħu barra però inżommu il-bogħod minn xulxin. Nixtieq nirringrazzjahom talli dejjem appoġġjawni fid-deċiżjonijiet li nagħmel allavolja xi kultant ma jaqblux magħhom. Maż-żmien bdejt naqra aktar u nistudja aktar fuq il-Covid-19 u tgħallimt li jekk tobdi il-proċeduri li joħorġu id-Dipartiment tal-Kontroll tal-Infezzjonijiet, tal-WHO, taħsel idejk sew, tobdi l-istruzzjonijiet li joħroġ il-gvern u tilbes ilbies prottetiv, ftit hemm ċans li tiġi infettat. F’Novembru li għadda iddeċidejt biex imur ngħix l-Ingilterra għal esperjenza u tagħlim ġdid.”

Qalbi tingħafas meta nara nies ibatu… żgħażagħ bħali jiġġieldu għan-nif

Ma tistax ma titkellimx miegħu fuq is-sofferenzi li jesperejnza. Il-Covid ħoloq weġgħat kbar, kemm fuq pażjenti, qraba u anke l-infermiera.

“Qalbi tinafas meta nara nies daqsi ibatu biex jieħdu in-nifs jew ikollom persentaġġ ta’ ossiġnu fid-demm bejn 88% u 94%. Litteralment tarahom qegħdin jiġġieldu biex jieħdu in-nifs allavolja għandhom il-maskla tal-ossiġnu jew inkella jispiċċaw bla nifs biex imorru sat-tojlit minn ġos-sodda.  L-iktar sofferenza li nħoss  meta ikolli inkeffen anzjan li jkun għadu kemm miet bil-Covid u l-qraba tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu jagħtuh l-aħħar tislima. Kemm il-darba waqt li inkun qed inkeffen nibqa’ niċċassa lejn il-wiċċ tal-pazjent u qalbi tinqasam”, jiddikjara Carl.

Fir-Renju Unit… kull sekonda qed jiddaħħal pazjent l-isptar minħabba l-Covid19

Jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid19 fir-Renju Unit, pajjiż li ftit jiem ilu daħħal għadd ta’ restrizzjonijiet ġodda. Carl jgħidilna li “ġieli mingħajr ma javżawna minn qabel jiġi in-nursing officer mat-transfer team u jibdew jittrasferixxu l-pazjenti kollha ġo swali oħrajn. Is-sala tingħalaq ħalli tigi ‘deep cleaned’ u b’hekk ikunu jistgħu  jagħmlu spazju għall-pazjenti oħrajn li ikunu qegħdin jistennew fil-kurituri tal-Emerġenza. Hawnhekk kull 30 sekonda pazjent qed jiddaħħal l-isptar minħabba il-Covid. Dan ix-xahar l-isptar fejn naħdem  iddaħħlu mal-347 pazjent bil-Covid. Fis-sala fejn naħdem in-nursing officers jispiċċaw jibku biex jidhlu ghal overtime u kemm-il. darba  l-isptar għamel talba fuq facebook jew jibagħtilna biex nidħlu overtime ġo swali oħrajn”.

Nippreferi nieħu it-tilqima milli l-isptar bil-maskra jew niġġieled għal ossiġnu

Dwar it-tilwima u l-fatt li hawn min qed jirrifjuta li jeħodha, flimkien mal-fatt li anke f’pajjiżna hawn min jargumenta li l-Covid19 ma jeżistix, Carl jgħidilna li “jien ħadt l-ewwel doża tiegħi tat-tilqima. L-għada kelli uġieh kbir f’idi, għejja kbira u uġieh ta’ ras. Dawn ġew trattati b’żewġ panadols u mistrieħ. L-għada kont erġajt ġejt lura f’saħħti.  Ovvjament kull bniedem huwa differenti u mhux kulħadd ser ikollu l-istess ‘side effects’. Però nippreferi dawn is-‘side effects’ milli qiegħed l-isptar bil-maskla tal-ossiġnu niġġieled ma’ ġismi biex nieħu in-nifs jew fil-kura intensiva b’xi ventilator jew intubat. Nippreferi nieħu it-tilqima milli nagħmel ġimagħtejn magħluq id-dar jew inkella ma nkunx nista’ nara il-ħbieb u familjari. Darba kont fi kwaratina u kont se niġġennen dejjem tagħmel l-istess affarijiet kuljum u magħluq f’erba’ ħitan ta’ darek. Nixtieq nistieden lil dawk in-nies li jgħidu li l-Covid19 ma jeżistix biex jagħmlu tnax-il siegħa jaħdmu ma’ infemieri  fl-isptar jikkuraw pazjenti li huma morda bil-Covid19 jew jitkellmu mat-tfal li tilfu lil ommhom jew lil missierhom minħabba il-Covid jew lil dik il-mara li tilfet ir-raġel tagħha jew lil dak ir-raġel li tilef lil martu. Nixtieq nenfasizza li r-Renju unit qed jieħu  bis-serjetà biex inaqqas il-każijiet. Il-messaġġi tal-gvern huma ċari daqs il-kristall. Irridu nagħmlu sagrifiċċji biex nipproteġu l-NHS u kieku ma kienux għal lockdowns kieku qegħdin agħar milli konna. L-unika armi li nistgħu nużaw biex niġġiledu dan il-virus huwa billi naħslu idejna, ngħattu ħalqna, inżommu il-bogħod minn xulxin u meta niġu imsejħa biex nieħdu it-tilqima imorru bil-komma imtella’ lesta. Jiena qed nagħmel dak li hu obbligat minni biex flimkien mat-tobba u ma’ dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-isptarijiet nikkuraw lil pazjenti li sfortunatment ġisimhom għandu bżonn l-għajnuna biex jiġġieled il-virus. L-obbligu tagħkom huwa li żżommu l-bogħod minn xulxin, taħslu idejkom, tgħattu ħalqkom u meta tiġu imsejħin biex tieħdu it-tilqima tmorru teħduha. Grazzi talli tajtni l-opportunità  nwassal il-messaġġ” itemm jgħidilna Carl Abela.

Share With: