Varata skema ta’ €2.2 miljun li ser tkun qed tgħin lil sidien ta’ barijiet u każini

Ġiet varata skema ta’ €2.2 miljun li ser tkun qed tgħin lil sidien ta’ barijiet u każini li kellhom jibqgħu  magħluqin minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. L-iskema hija mmirata  sabiex tagħti għajnuna finanzjarja lil stabbilimenti li jaqgħu taħt tliet kategoriji li jinkludu barijiet  kummerċjali, barijiet li jiffurmaw parti minn każin, u każini li mhumiex politiċi. 

Il-barijiet kummerċjali li għandhom liċenzja mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jistgħu japplikaw  għal massimu ta’ €2,870.00, barijiet li jiffurmaw parti minn għaqda jew każin sa massimu  ta’ €1,860.00, u l-għaqdiet kollha l-oħra li huma reġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija bl-eċċezzjoni  tal-każini politiċi, jistgħu japplikaw sa massimu ta’ €1,260.00. 

Dan l-inċentiv għall-kategoriji msemmija ser ikun qed ikopri l-perjodu ta’ bejn it-28 ta’ Ottubru 2020  u it-28 ta’ Frar 2021, l-istess żmien li fih dawn l-ażjendi kellhom jibqgħu magħluqin minħabba  restrizzjonijiet marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. 

Din l-iskema finanzjarja ġiet varata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur  Clayton Bartolo fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet  Volontarji Clifton Grima u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg. 

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif dan huwa gvern għan-nies li qed  ikompli jgħin lill-familji u n-negozji f’dawn iż-żminijiet diffiċli. “Mhuwiex sigriet li s-settur tal ospitalità kien l-aktar wieħed milqut f’din il-pandemija. Eluf kbar ta’ familji li jiddependu għall għixien tagħhom minn dan is-settur għadhom jagħmlu s-sagriffiċji anke jekk l-isfidi li għaddejjin  minnhom ma ħolquhomx huma jew dan il-gvern”, kompla jgħid il-ministru. 

Żied jgħid li din l-għajnuna ser tkun qed tgħin bil-kbir biex dawn l-istabbilimenti jkunu iżjed preparati  meta pajjiżna jibda jirritorna lura għan-normalità. 

Madankollu, il-Ministru Clayton Bartolo għamel referenza għal kif ser ikun qed jiżdied l-infurzar  mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’numru ta’ żoni madwar Malta u Għawdex fosthom f’Tas Sliema, San Ġiljan, Paceville, San Pawl il-Baħar, in-Nadur, Marsalforn, ix-Xlendi u r-Rabat,  Għawdex. 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan l-investiment qed jikkumplimenta l-akbar  investiment dirett li qatt sar fis-settur volontarjat li jammonta għal €4.1 miljun. Kompla jgħid li grazzi għal din l-iskema, mijiet ta’ klabbs sportivi u għaqdiet volontarji li għandhom bar jopera magħhom,  se jkunu jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom, xogħol li ġie affettwat b’mod negattiv li llimita kif  joperaw u jiġġeneraw id-dħul tagħhom l-għaqdiet. Id-dmir tal-gvern huwa li l-isfidi li jaffaċċjaw  dawn l-għaqdiet jibdilhom f’opportunitajiet. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li l-għan  ta’ din l-iskema huwa li jingħata sostenn addizzjonali lil dawn il-kategoriji ta’ stabbilimenti li huma  meqjusa li sofrew aktar minn negozji oħra sforz il-miżuri li kellhom jittieħdu sabiex tiġi mrażżna l imxija tal-COVID-19. Huwa żied jgħid li għal kull għajnuna u direzzjoni dwar din l-iskema, l applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Marzu 2021 filwaqt  li kull min għandu mistoqsija għandu jibgħat email dedikat fuq bcscheme@visitmalta.com jew  jagħmel appuntament ma’ ħaddiem mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq fuq in-numru 2291500.

Share With: