“Urġenti l-bżonn ta’ regolamentazzjoni dwar min jista’ jwettaq xogħol ta’ demolizzjoni ta’ bini u skavar”

Jgħid dan is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi

Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi fl-intervent tiegħu dwar l-abbozz ta’ liġi li se jwaqqaf l-Awtorità dwar l-Industrija tal-Kostruzzjoni qal li jrid ikun hemm aġġornament fir-rigward tal-ħiliet li huma meħtieġa minn min se jwettaq ix-xogħlijiet biex jiġi żgurat li dawn l-istandards ikunu rispettati fit-totalità tagħhom. 

Tenna li “dan iwassalni biex nittratta punt ieħor fil-fehma tiegħi fir-rigward tat-tiġdid tal-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna. Irridu nistaqsu min għandu jkun parti mill-industrija tal-kostruzzjoni – min għandu jwettaq ix-xogħol f’dan il-qasam. X’ħiliet għandu jkollu min se jwettaq dan ix-xogħol? Sal-lum għandna biss il-liċenzja tal-bennejja imma l-kostruzzjoni tmur lil hinn minn dak il-bennej tradizzjonali li huwa mgħallem kif jaħdem il-ġebla Maltija”.

Tenna li llum qed naraw realtaijiet ta’ binijiet li huma mibnija esklussivament b’pilastri u travi filwaqt li l-bricks jew ġebel huwa biss maħsub biex ilibbess l-istruttura li tkun inbniet bit-travi u l-pilastri tal-konkos. Qal li “għandna realtajiet oħra bħal pereżempju l-użu ta’ struttura tal-azzar b’soqfa tal-metall jew xi prodott ieħor li fih il-konkos. Ir-regolamenti li għandna llum għadhom ma jaħsbux għal dawn ir-realtaijiet u rridu naraw li min qed iwettaq ix-xogħol b’dawn it-teknoloġjiji ġodda ikollu l-ħiliet meħtieġa u jkun ċertifikat li għandu dawn il-ħiliet.” 

Stefan Zrinzo Azzopardi kompla jgħid li bl-istess mod u bi ħtieġa aktar urġenti hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni dwar min jista’ jwettaq xogħol ta’ demolizzjoni ta’ bini u skavar. L-inċidenti li rajna fl-aħħar snin li wasslu biex iġġarfu binijiet u saħansitra inħasdu ħajjiet, kienu kollha marbuta ma’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew skavar fil-viċinanzi ta’ binjiet eżistenti. 

“Inċidenti li wasslu għal traġediji koroh u minn hawn insellem il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom f’dawn l-inċidenti. Insellem lill-qraba tagħhom,” sostna is-Segretarju Parlamentari.

“Min iwettaq dawn it-tip ta’ xogħlijiet għandu responsabbilità kbira fuqu. Irid jara li jagħmel dan ix-xogħol b’galbu, b’attenzjoni u skont metodoloġiji li jevitaw li jkun hemm inċidenti jew ħsarat fuq il-bini li jkun hemm maġenb is-sit. Ix-xogħol irid isir minn nies li huma kompetenti biex iwettqu dak ix-xogħol. Nies li jkunu ċertifikati li huma kapaċi li jwettqu dak ix-xogħol. Għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ sistema ta’ liċenzjar għal min għandu l-ħiliet adegwati biex iwettaq dan it-tip ta’ xogħol. Sal-lum għadna neqsin minn din it-tip ta’ regolamentazzjoni bil-konsegwenza li ma hemmx regolamenti ċari dwar min jista’ jwettaq dak ix-xogħol,” sostna Stefan Zrinzo Azzopardi.

Tenna li l-uniku salvagwardja li għandna llum huwa li hemm obbligu li l-perit tal-proġett irid jippreżenta method statement li jindika b’liema mezzi, b’liema inġenji u liema mod se jkun qed isir ix-xogħol. Dan il-method statement huwa dokument pubbliku li jista’ jiġi skrutinizzat minn min għandu interess u anke jistgħu jitressqu oġġezzjonijiet jekk xi parti tindika li għandha r-riżervi għal dak li jkun preżentat. 

Qal ukoll li jibqa’ l-fatt iżda li għad m’hemmx mod ċar dwar min jista’ jwettaq dan ix-xogħol. Din hija waħda mill-bidliet important li jeħtieġ li sseħħ biex jingħata aktar serħan tal-moħħ u jkollna titijib fil-qasam tal-kostruzzjoni bil-għan li fejn jidħol ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u skavar isir qabża kbira fil-kwalita’. 

Temm jgħid li l-waqt li rridu naraw settur tal-kostruzzjoni li jkun jaħdem b’mod regolat irridu niżguraw li jkollna l-għodod kollha meħtieġa biex nipproteġu l-interessi ta’ terzi li jkunu viċin attivita’ ta kostruzzjoni.

“Il-Prim Ministru ma jridx jiftaħ inkjesta dwar il-mewt ta’ Miriam Pace” – David Thake

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake qal li minkejja l-karba tal-familja Pace għal inkjesta pubblika, il-Prim Ministru Robert Agela qed jgħid “le ma rridx li ssir inkjesta pubblika”.

David Thake qal li dan ifisser li l-Prim Ministru ma jridx jagħmel inkjesta biex ikun stabbilit x’ġara u jekk kienx hemm nuqqasijiet mill-Istat. David Thake saħaq li “l-Istat naqas lil Miriam Pace għax din inqatlet f’darha. Allura issa b’liema dritt qed ngħidulhom li mhix se ssir inkjesta pubblika. Ninsab ixxukkjat b’dak li qal il-Prim Ministru”.

“Dan hu pajjiż li jimxi b’Russian Roulette” – id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo fl-intervent fil-Parlament iddikjara li l-Prim Ministru fuq idejh għandu l-vittmi u dan għax seħħew tliet inċidenti u mewt. Ql li dawn kienu nies li kienu fi djarhom iżda dawn iġġarrfu wara li ħdejhom kellhom xogħlijiet ta’ skavar. Hu qal li għal ammont ta’ snin kellna diversi bullies u qal li hu ma jagħtix tort lill-bullies imma lill-Gvern. “Dan hu pajjiż li jimxi b’Russian Roulette. Miskin lil min jolqot,” qal Edwin Vassallo.

Share With: