Tnejn arrestati b’rabta ma’ serqa fuq anzjan fl-ewwel tas-sena

Investigazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, assistiti mill-Pulizija tad-Distrett tal- Ħamrun, b’rabta ma’ serqa fuq anzjan nhar l-ewwel tas-sena, irriżultat fl-arrest ta’ żewġt irġiel.

L-anzjan ta’ 67 sena kien aggredit minn żewġ persuni nhar il-Ġimgħa, għall-ħabta tal-5:00 a.m, waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa. Waqt li ngħata daqqiet ta’ sieq, l- anzjan spiċċa fl-art, biż-żewġ agressuri serqulu l-mowbajl u ħarbu minn fuq il-post b’vettura. Ir- raġel ingħata kura medika għal ġrieħi ħfif.

Wara sigħat ta’ osservazzjoni b’informazzjoni dwar min setgħu kienu l-allegati agressuri, ilbieraħ, għad-9:00 p.m, pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri ċċirkondaw vettura, l-istess waħda li ntużat waqt is-serqa, fl-istess akwati ta’ Triq is-Salib tal-Marsa. Fiha kien hemm żewġt irġiel, wieħed ta’ 42 sena li joqgħod il-Gżira u ieħor ta’ 33 sena li joqgħod Wied il-Għajn, li huma s- suspettati ewlenin li wettqu s-serqa fl-ewwel jum tas-sena.

Iż-żewġt irġiel qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: