Studenti tal-Inġinerija tal-MCAST issa huma eliġibbli għall-warrant

Il-Bord tal-Inġinerija approva l-kors msejjaħ Pre-Warrant Qualification Course (PWQC) li permezz tiegħu l-inġiniera gradwati mill-MCAST jistgħu jaċċedu għall-warrant ta’ inġiniera taħt il-liġi Maltija wara li jkunu lestew b’suċċess il-kors speċifiku. Dan huwa pass importanti għall-Kulleġġ Vokazzjonali u Professjonali tal-MCAST hekk kif issa student li ggradwa mill-kors ta’ Baċellerat fl-Inġinerija jista’ japplika biex jieħu l-warrant biex jipprattika bħala inġinier professjonali bid-drittijiet kollha li tagħti l-liġi.

Dan huwa possibbli wara li l-aġenzija Ġermaniża ASIIN, magħrufa fis-settur għall-evalwazzjoni tal-istandards fl-istudju tal-inġinerija rrakkomandat lill-Bord tal-Inġiniera biex japprova dan il-kors tal-MCAST li għandu l-kontenut akkademiku sabiex iwassal biex student li jiggradwa minnu, ikun jista’ jasal għall-warrant ta’ inġinier. B’dan il-pass, l-inġustizzja li sofrew l-istudenti li ilhom jiggradwaw sa mill-2013 finalment ġiet fi tmiemha wara proċess metikoluż ta’ evalwazzjoni wara ħidma li saret matul l-aħħar 4 snin u nofs.

Il-Ministri Ian Borg u Justyne Caruana qalu li dan il-pass qed jiftaħ beraħ l-opportunitajijiet għall-istudenti li jmorru l-MCAST sabiex jieħdu l-warrant ta’ inġiniera. “L-assessjar tal-aġenzija Ġermaniża wera biċ-ċar kif studenti li jiggradwaw mill-kors ta’ Baċellerat fl-Inġinerija tal-MCAST issa jistgħu jingħaqdu ma’ gradwati oħra Maltin u Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jersqu għall-warrant u għal karriera fl-inġinerija kif ukoll ikomplu bl-istudji fil-livell ta’ post-graduate. Il-gvern iqis dan il-pass bħala wieħed li jiftaħ aktar bibien biex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jieħdu edukazzjoni terzjarja ta’ livell għoli u li twassal għal karrieri professjonali. Minn din id-deċiżjoni tal-Bord tal-Inġiniera se jkunu jistgħu jgawdu ’l fuq minn 200 student tal-MCAST”. 

Wara din id-deċiżjoni, l-MCAST tħabbar li se tibda żewġ korsijiet tal-PWQC, wieħed għal inġinerija elettrika u ieħor għal inġinerija mekkanika. Għal dan l-għan l-MCAST se tiftaħ l-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet b’mod immedjat u dawk kollha li għandhom il-Baċellerat fl-Inġinerija (BEng) mill-MCAST jistgħu japplikaw. Dawn l-istudenti se jkunu qed jitħarrġu dwar l-aħħar żviluppi fil-kamp tal-inġinerija permezz ta’ units ta’ studji akkademiċi tekniċi u anka ta’ proġett relatat mal-istudji li ħa jkun qed isir bil-gwida ta’ letturi esperti. L-MCAST tħabbar ukoll li ħa tassorbi l-ispejjeż biex isiru dawn il-korsijiet għax temmen bi sħiħ f’dawn l-istudenti li ħa jkunu pedament importanti għall-professjoni tal-inġinerija f’pajjiżna fil-futur qarib.

Share With: