Se tinfetaħ l-iskema ‘Green Your Building’

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar it-tnedija ta’ skema ġdida ta’ tħaddir fl-urban li tibdel bini ‘griż’ f’żoni residenzjali f’binjiet ‘ħodor’ u f’ambjent aktar san. Il-ministru spjega li permezz ta’ baġit ta’ €2 miljun, l-iskema se tiffinanzja 100% tal-ispejjeż biex isiru green façades, ġonna vertikali u retrofitting ta’ front gardens eżistenti ta’ proprjetajiet privati f’żoni residenzjali. Ħwienet u uffiċċji li diġà għandhom front gardens f’dawn iż-żoni wkoll jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. 

“Studji juru b’mod ċar li infrastruttura ħadra tista’ tnaqqas b’mod sostenibbli l-effetti ħżiena fuq l-ambjent li ġġib magħha l-urbanizzazzjoni ta’ żoni densament popolati u li twassal għal kwalità ta’ arja aħjar, immaniġġjar tal-ilma u protezzjoni tal-bijodiversità. It-tħaddir tal-ibliet u tal-irħula jgħin ukoll is-saħħa mentali u jħajjar lin-nies biex jimxu aktar”, qal il-ministru.

Din l-iskema, amministrata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), se tirrifondi 100% tax-xogħlijiet eliġibbli, inklużi spejjeż assoċjati ma’ xogħol ta’ installazzjoni, materjal, kiri ta’ tagħmir, pjan ta’ ħames snin għall-immaniġġjar ta’ dan il-ħajt u kwalunkwe spejjeż oħra ta’ konsulenza.

Din l-iskema se tiftaħ nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar 2021 u se tkun disponibbli fuq bażi ta’ first-come-first-served. 

Biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ sottomissjoni, it-talbiet għall-finanzjament għal din l-iskema se jkunu qed isiru mill-periti permezz tal-online e-Application system tal-Awtorità. L-iskema se tibqa’ miftuħa sad-9 ta’ April 2021 jew sakemm jintuża l-baġit kollu allokat. 

L-Awtorità ppubblikat ukoll linji gwida biex tassisti lill-partijiet interessati fuq kwalunke kwistjonijiet relatati ma’ kunsiderazzjonijiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu qabel jissieħeb f’din l-iskema, xi pjanti jistgħu jintużaw u l-manteniment tagħhom.

Martin Saliba, iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, qal li fil-qalba tal-infrastruttura ħadra hemm il-prinċipju tal-koeżistenza, fejn nibdew nirrelataw mal-ambjent naturali minflok niżviluppaw kunflitt miegħu. “Din l-iskema qed isservi bħala qafas biex nippromwovu u nappoġġaw l-introduzzjoni tal-infrastruttura ħadra fiż-żoni urbani tagħna. Nafu li jekk inħeġġu u nappoġġaw lis-sidien tal-proprjetà privata biex jintroduċu ġnien vertikali mal-faċċata tad-dar jew ibiddlu n-naħa ta’ barra tar-residenza tagħhom fi ġnien, inkunu qed nindirizzaw b’mod dirett u pożittiv it-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika, il-bijodiversità u l-koeżjoni komunitarja”.

Aktar informazzjoni relatata mal-iskema ‘Green Your Building’ tista’ tinkiseb billi ċċempel fuq 2290 1544 jew tibgħat ittre fuq greenyourbuilding@pa.org.mt. It-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar www.pa.org.mt.

Share With: