“Se nkunu qed nuru tassew li aħna nistgħu u se nkunu gvern alternattiv”

Waqt li indirizza attività politika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan il-pajjiż illum għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista u f’dawn il-ġranet se jkunu qed juru li huma għandhom u jistgħu tassew ikunu l-partit tal-preżent u tal-futur.

Grech qal: “Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nuru tassew li aħna nistgħu u aħna se nkunu gvern alternattiv u dan se nagħmluh b’mod partikolari għax se nibdew nuru anke fil-qasam pereżempju tal-enerġija li aħna għandna u se jkollna proposti li tassew jagħmlu sens għalik u għal pajjiżna. L-enerġija se tkun parti essenzjali mis-suċċessi li nistgħu niksbu fil-futur flimkien.”

Grech qal li għadna kif spiċċajna ġimgħa li sejħilha bħala l-ġimgħa tal-konfużjoni, ġimgħa li fi kliemu uriet l-inkompetenza tal-gvern laburista partikolarment tal-Prim Ministru Robert Abela. Filwaqt li qal li Abela sostna li ttikja l-kaxxi kolla f’dak li jirrigwardja l-Moneyval, ma laħaqx spiċċa l-kliem li ma ħariġx rapport li jpoġġi lil Malta f’żewġ postijiet aktar l-isfel fejn tidħol it-trasparenza f’dan il-pajjiż. Grech qal li dan ifisser li fejn tidħol il-korruzzjoni u trasparenza komplejna ninżlu l-isfel.

Grech kellu klieb iebes fil-konfront ta’ Abela fejn qal li mhux qiegħed f’kuntatt man-nies u mhux iħoss dak li għaddej minnu n-nies, li “Flok jindirizza l-problema jipprova jitmejjel bik u jgħidlek li kollox għaddej sew, saħansitra qalilna li qegħdin f’ġenna,” qal Grech.

Qal li Abela jrid iħallina fi stat ta’ konfużjoni u li minflok tmexxija serja u ffukata, ikompli kontinwament jagħmel il-uturns. Żied jgħid ukoll li f’dawn is-seba’ snin, dan il-gvern rema’ r-reputazzjoni ta’ pajjiżna biex jimxu ‘l quddiem il-ftit nies tal-qalba.

Rigward is-sitwazzjoni tal-Covid-19, Grech qal li bħala PN kontinwament joħorġu bil-proposti u għandhom is-soluzzjonijiet. Appella lill-gvern biex ma jkunx imkabbar u jħares madwaru.

Grech fost l-oħrajn qal li għandna sitwazzjoni kritika fejn mhux biss għandna nies li huma infettati, imma saħansitra ntilef il-kontroll tal-contact tracing. 

Share With: