Saċerdoti jgħidu li mhux sewwa li kulħadd jitpoġġa f’keffa waħda

Membri tal-kleru jirreaġixxu wara l-allegat każ ta’ abbuż sesswali minn żewġ qassisin

Minn Maria Azzopardi

“Mal-ftit m’għandux jeħel kulħadd”. “Qatt ma hu sewwa li jitpoġġa kulħadd f’keffa waħda.” Dawn huma fost il-kummenti minn membri tal-kleru ftit wara li ġie rrappurtat l-allegat każ fejn żewġ qassisin Dun Joseph Sultana u Dun Joseph Cini, ġew mixlijin bl-istupru ta’ abbati f’Għawdex. Fix-xhieda tiegħu, l-allegat vittma qal li l-abbużi saħansitra ġieli seħħew qabel jew wara ċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa, bl-ewwel abbuż kien żvolġa matul tmiem il-ġimgħa meta kien għad kellu tmienja jew disa’ snin. Iż-żewġ qassisin wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom iżda t-tnejn li huma baqgħu jinżammu arrestati. 

Wara li dan il-każ ġie rrappurtat fuq il-midja lokali, filwaqt li kien hemm min irringrazzja lill-membri tal-kleru l-oħra li mhumiex involuti f’dan il-każ tal-ġid li għamlu u osservaw li hawn ħafna minnhom tajbin kemm f’Malta u kemm fil-missjoni, bosta kienu dawk li bdew jikkundannaw lill-membri tal-kleru l-oħra li mhumiex involuti bħal donnu poġġewhom f’keffa waħda. 

Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu, Dun Kalcidon Vassallo qal lil Inewsmalta dan il-kumment: “Intlabt nagħmel kumment dwar il-każ taż-żewġ saċerdoti f’Għawdex, li jiena ma nafhomx. L-ewwel nett iddispjacieni ħafna meta smajt, għax qatt m’għandek “teqred” lil min suppost qed tħarsu mill-“qerda”. It-tieni, insejt minn qal, meta ra grupp ħabsin għaddejjin: “Li ma kienitx il-grazzja t’Alla, kieku jien kont inkun magħhom.” Jiġifieri ħadd m’għandu jitkaża. It-tielet, mal-ftit m’għandux jeħel kulħadd. Alla biss jaf kemm ħniena, imħabba u għajnuna oħra saret mill-kleru. San Ġorġ Preca huwa eżempju ċar. L-aħħar kelma ngħidha lili nnifsi: jiena wkoll għaddejt minn abbuż. Inħlist u sibt il-paċi meta ħfirt.”

“Bħali hawn ħafna oħrajn li jaħdmu bil-qalb mat-tfal u adoloxxenti mingħajr ebda intenzjoni ħażina”

“Naprezza ħafna lil dawk li jissaportjawna u jafdawlna lil uliedhom mhux biss bħala abbatini, fil-kor u fil-katekiżmu u gruppi oħrajn imma naprezza wkoll li ma jsirx diskors u ġudizzju li jiċappas kulħadd f’keffa waħda.”

Hekk qal l-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien Fr Chris Ellul li żied jgħid li meta jsir il-ħażin jagħmlu min jagħmlu qatt ma jsir tajjeb u qatt ma jkun ġustifikat. Qal li jiddispjaċih u jħoss għafsa ta’ qalb meta jara sitwazzjonijiet li qed ngħixu fihom bħalissa.

“Imma daqstant ieħor qatt ma hu sewwa li jitpoġġa kulħadd f’keffa waħda. Bħali hawn ħafna oħrajn li jaħdmu bil-qalb mat-tfal u adoloxxenti mingħajr ebda intenzjoni ħażina jew aġir ħażin u mingħajr ma jistennew l-ebda grazzi jew xi ġieħ.  Dak li nagħmlu nagħmluh għax ġenwinament inħobbu u nixtiequ l-ġid lil dawn iċ-ċkejknin afdati f’idejna,” qal Fr Ellul.

Fuq dan il-kumment li kiteb Fr Ellul kien hemm bosta messaġġi li qablu miegħu li wieħed m’għandux jiġġeneralizza. Fost l-oħrajn tkellem raġel li għamel żmien bħala abbati. Huwa qal li f’dak iż-żmien ma ra xejn ħlief rispett mingħand membri tal-kleru. Huwa qal: “Grazzi tax-xogħol li tagħmlu u jalla dan ix-xogħol li jagħmlu għexieren ta’ qassisin dedikati u ġenwin, jingħata r-rikonoxximent li jkun ħaqqu, u mhux naraw biss il-ħażin, li ta’ min jikkundannah.”

Fr Aaron Zahra: Dan mhux l-ewwel u lanqas l-aħħar każ t’abbuż mill-kleru fil-midja

Membru tal-kleru li rrikorra għall-midja soċjali biex jgħaddi r-reazzjoni tiegħu wara dan il-każ kien Fr Aaron Zahra. Huwa kkummenta li dan mhux l-ewwel u lanqas l-aħħar każ t’abbuż mill-kleru fil-midja. Qal li kull każ ta’ abbuż iġib miegħu rabja fost is-soċjetà, il-Knisja u l-membri tal-kleru. Żied jgħid li miegħu jġib ukoll sens ta’ falliment, biża’, dubji u fuq kollox ġrieħi kbar permanenti fuq il-vittmi involuti u jiftaħ il-ferita ta’ vittmi oħra. 

Fr Zahra qal: “Imma fuq nota pożittiva ninsab kuntent ħafna li nara l-mekkaniżmi tal-Knisja jaħdmu b’trasparenza kbira. Saru r-rapporti fejn kellhom isiru u l-każ wasal fejn kellu jasal. Ejjew nammiraw it-trasparenza li biha mxew is-saċerdoti li magħhom il-vittma fetħet qalbha u l-kuraġġ tal-vittma u l-ħidma tas-safeguarding commission.”

Temm jgħid: “Tajjeb li wieħed jirrimarka li kieku ma kienx għal żewġ saċerdoti twajbin u għaqlin li semgħu l-karba tal-vittma u iindirrizawh fejn irid imur jirrapporta kieku dawn iż-żewġ sacerdoti ma tressqux il-qorti. Prova ċara li jeżistu saċerdoti tajbin.”

F’serje ta’ vidjos li ġew ippubblikat fuq il-paġna “True Light Catholic Media Foundation’ diversi xhur ilu, Fr Aaron Zahra, bħala riċerkatur dwar il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali, qal li huwa l-qassis jew il-persuna reliġjuża nnifisha li huwa responsabbli għall-azzjonijiet li jwettqu. Huwa kien qal dan meta kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsija dwar kif għandhom jireraġixxu l-lajċi kattoliċi meta jisimgħu b’każijiet ta’ abbuż sesswali fil-Knisja.

F’vidjow ieħor imtella’ fuq l-istess paġna, Fr Zahra qal: “Jekk hemm vittmi li ġew abbużati minn saċerdot jew reliġjuż, jekk trid tgħin lill-knisja, għin lilek innifsek l-ewwel nett għax din il-ferita li ġiet ikkawżata lilek trid tiġi kkurata. L-ewwel ħaġa li trid issir hi li tmur għand il-pulizija u tirrapporta jew anke s-safeguarding commission.” Żied jgħid: “Anki jekk kien 40 sena ilu, 30 sena jew 10 snin ilu. Int għandek id-dritt li tfittex ġustizzja, biex tfittex l-għajnuna u għandek id-dritt li l-knisja tisma’ l-għajta tiegħek.” Fr Zahra kien qal li billi persuna tirrappurta, tkun qed tgħin lill-knisja tfittex ġustizzja u tipproteġi vittmi oħra. Huwa wkoll kien aċċenna għall-fatt li ma jfissirx li minħabba li saċerdot wieħed għamel żball kbir, allura s-saċerdoti l-oħra kollha huma l-istess jew il-membri kollha tal-knisja huma l-istess.

Ħadd ma jitqies ħati qabel ma jkun hemm sentenza definittiva tal-Qorti”

Fid-dawl tal-aħbarijiet li dehru fil-midja lokali, fi stqarrija mibgħuta, id-Djoċesi ta’ Għawdex uriet solidarjetà ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu. Filwaqt li tistenna li l-Qorti tieħu l-kors tagħha biex tinstab il-verità, il-Knisja tenniet ir-rieda u l-impenn sħiħ tagħha biex ħadd ma jkun vittma ta’ abbużi sesswali, fiżiċi jew morali. 

Hija ħeġġet lil dawk li ġarrbu xi abbuż biex jirrappurtaw lill-pulizija u biex, jekk l-abbuż sar minn persuni marbuta mal-Knisja, jikkuntattjaw ukoll lill-Kummissjoni tas-Safeguarding taż-żewġ djoċesijiet fuq info@safeguarding.mt. Fl-istqarrija, il-Knisja fakkret li ħadd ma jitqies ħati qabel ma jkun hemm sentenza definittiva tal-Qorti.

Share With: