Riġenerazzjoni tal-Ġnien San Girgor fiż-Żejtun – Investiment f’aktar spazji miftuħa permezz ta’ fondi Ewropej

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Ġnien San Girgor ġewwa ż-Żejtun li huwa parzjalment iffinanzjat b’fondi Ewropej. Preżenti kien hemm ukoll s-Sindku taż-Żejtun, is-sinjura Doris Abela u ċ-Chairman tal-Gal Xlokk Dr Philip Von Brockdorff.

Dan il-proġett se jkun qed jirriġenera u jsebbaħ l-ambjent fiż-Żejtun, fejn sar tħawwil ta’ siġar indiġeni, ġiet installata żona bit-turf naturali, kif ukoll żdiedu l-bankijiet u gazebo li ġew magħmula minn materjal riċikrabbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Il-Ministru Herrera faħħar lill-Kunsill Lokali li qed jutillizza dawn il-fondi sabiex għamel dan il-proġett ambjentali li se jservi għal spazzju rikreattiv għan-nies tal-madwar. Huwa fakkar li l-Ministeru ħareġ għall-ewwel darba skema mmirrata għar-reġjuni fejn ser ikollhom riżorsi speċjalizzati, fosthom fil-qasam tal-fondi ewropej, u b’hekk ikunu jistgħu jgħinu b’mod dirett lill-Gvernijiet Lokali sabiex japplikaw aktar għal dawn it-tip ta’ fondi.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett sar b’investiment ta’ aktar minn €90,000, fejn €57,870 ġew ffinanzjati b’ fondi Ewropej. Hu saħaq li bis-saħħa ta’ dawn il-fondi, dan il-ġnien se jkun qed iservi bħala l-pulmun għan-nies tal-lokalita. Qal li dan se jkun użat b’mod speċjali miż-żgħażagħ u tfal li jkunu fil-madwar, hekk kif il-ġnien jinsab fejn il-bandli, il-ground tal-football u ċ-ċentru għaż-żgħażagħ.

Is-Segretarju Parlamentari qal li “permezz ta’ fondi Ewropej qed intejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies hekk kif se jġawdu minn aktar spazji miftuħa”.

Share With: