Proġett estensiv ta’ upgrade u rinnovar fid-dipartimenti tal-emerġenza u tal-outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Steward Health Care Malta għadha kemm temmet proġett estensiv ta’ upgrade u rinnovar fid-dipartimenti tal-emerġenza u tal-outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bħala parti mill-programm kontinwu ta’ investiment fl-isptarijiet li tmexxi.

Minkejja l-isfidi sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19, it-tim maniġerjali ta’ Steward Malta ħadem bis-sħiħ fuq dan il-proġett ambizzjuż ta’ tisbiħ ta’ dawn iż-żewġ dipartimenti li kull sena jilqgħu fihom eluf ta’ pazjenti. Il-faċilitajiet, l-apparat u l-kmamar tal-konsulti ġew ilkoll rinnovati biex jipprovdu kura ta’ l-ogħla kwalità u ambjent aktar sigur għall-pazjenti u l-istaff. In-numru tal-kliniċi żdied u, b’hekk, se jkunu jistgħu jingħataw iżjed servizzi u jonqos il-ħin tal-istennija.

Dr Nadine Delicata, id-Direttur Eżekuttiv u l-President ta’ Steward Health Care Malta, qalet li: “Fil-bidu tal-2020, għamilna bidliet sinifikanti fl-isptar biex inkunu nistgħu nissieltu l-imxija. Madankollu, il-ħidma ma waqfitx hemm. Ix-xogħol komplejnieh matul is-sena u fl-ewwel xahar tal-2021, sabiex il-pazjent ikun jista’ jinqeda aħjar f’dawn iż-żewg diaprtimenti ġewwa l-Isptar ta’ Għawdex.” 

Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol fl-isptar, is-servizzi ta’ outpatients kienu qed jiġu offruti mill-kampus tal-Iskola Medika ta’ Barts, li hemm fil-qrib, ħalli l-operat tal-isptar jibqa’ miexi bla skossi. Dr Delicata rringrazzjat lit-tim maniġerjali ta’ Queen Mary University of London (Malta) għall-appoġġ li ġie provdut matul dan il-perjodu.

Kompliet li, “Illum is-servizzi tal-isptar reġgħu qed joperaw kollha mill-isptar. Il-pubbliku issa qed jingħata l-kura f’ambjent isbaħ, u b’sigurta’ akbar għall-istaff u l-pazjenti, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jużaw is-servizzi tal-isptar.”

Ftit xhur ilu, l-infrastruttura tal-gassijiet mediċi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ukoll ġiet imġedda. Dan sar billi nbidel l-impjant ewlieni li jipprovdi l-vacuum, l-arja medika u l-ossiġnu lill-isptar. Bis-saħħa tar-riserva ġdida ta’ 20,000 litru ossiġnu issa l-isptar għandu provvista awtonoma u kontinwa ta’ ossiġnu għal perjodu ta’ bejn erbgħa u sitt ġimgħat. B’dan l-investiment il-pazjenti għandhom provvista aktar sostenibbli ta’ ossiġnu, bil-lest ukoll f’każ li tiżdied id-domanda għal dan il-gass minħabba l-COVID-19 u l-influwenza staġjonali.

Fil-bidu tal-2020, Steward Malta kabbret ukoll il-kapaċità tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’120 sodda għall-pazjenti tal-COVID-19, kif ukoll sa’ 25 sodda ta’ kura intensiva  għall-COVID-19. Barra minn hekk, Steward Malta żiedet il-magni tan-nifs (ventilators)  b’25 fl-Isptar Ġenerali ta’ Ghawdex, bis-saħħa tal-katina tal-provvista internazzjonali ta’ Steward.

Share With: