Mixlija li serqet tliet anzjani flimkien ma’ binha ta’ 13-il sena

Shirley Al Omar, mara ta’ 45 sena minn San Pawl il-Baħar, baqgħet tinżamm arrestata wara li ġiet mixlija b’serq minn residenza fejn jgħixu tliet anzjani, flimkien mat-tifel tagħha ta’ 13-il sena. Hija ġiet mixlija li serqet żewġ karti ta’ €50.

Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fejn għall-ħabta ta’ 12.00p.m. intalbet l-assistenza tal-Pulizija wara rapport li kienet qiegħda ssir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra, fejn mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-mara, li magħha kien hemm it-tifel tagħha minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus. Waħda mit-tliet anzjani li kien hemm fir-residenza, fetħet il-bieb u daħlet ġewwa biex iġġib xi flus, imma l-mara daħlet warajha, ħatfet ammont ta’ flus li kien hemm fuq il-mejda u flimkien mat-tifel ħarbu jiġru. 

Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnutaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Il-mara u t-tifel twaqqfu fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus misruqa.

Il-mara tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia. Il-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ, ħadet lit-tifel għand xi qraba. Id-difiża, immexxija mill-Avukat Mario Mifsud, sostniet li f’dan l-istadju  ma kinitx se tagħmel talba għal libertà proviżorja tal-akkużata u għalhekk inżammet taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Share With: