“Magħna taf fejn qiegħed! Il-vouchers se joħorġu fil-mument opportun kif imwiegħed”

Abela beda biex jitkellem dwar il-Furjana u l-memorji tal-familja tiegħu. Tkellem dwar l-imħabba tal-familja li ommu kienet ġejja minn partit u hu kien jattendi għall-meeting tal-partit oppost. Minkejja dan wara li jispiċċaw id-diskorsi politiċi kienu jirritornaw id-dar f’għaqda u mħabba u b’hekk tgħallem dwar kemm hu importanti li ma ssirx distinzjoni bejn l-aħmar u l-blu.

Abela qal li sa mill-ewwel ġurnata tiegħu huwa wiegħed li se jinżel u jkun viċin in-nies mingħajr ma jħares lejn uċuħ u kuluri. Tkellem ukoll dwar il-wegħda tal-umiltà u li bħala gvern jisma’ u jkun risponsiv.

Abela qal li dan il-gvern qiegħed jara li ħadd ma jispiċċa bla saqaf fuq rasu. Qal li dan huwa gvern li jrid jipproteġi lill-inkwilini u lis-sidien. Il-PM fakkar dwar il-prinċipju tar-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u li b’hekk qed issir ħidma biex jiġu mħarsa d-drittijiet taż-żewġ partijiet.

Abela qal li l-pandemija tagħtna l-akbar tagħlima fejn bħala poplu ħarisna lil min l-aktar li kien fil-bżonn, b’ħidma li ma qatgħetx minn għadd ta’ frontliners dedikati; “l-aħna akbar mill-jiena”.

Waqt żjara li kellu mal-Ministru Chris Fearne fil-Fondazzjoni Richmond, Abela qal skont informazzjoni li ngħataw, it-telefonati għal assistenza relatata mas-saħħa mentali fl-aħħar xhur żdiedet b’400 fil-mija.

Tkellem dwar il-miżuri li jidħlu fis-seħħ minn għada wara analiżi ta’ dak li seħħ fi żmien il-festi tal-aħħar tas-sena u għalhekk b’sensiela ta’ miżuri, mingħajr mhu se jiddaħħal dwejjaq fil-ħajja tan-nies , se nħarsu lil xulxin.

Abela qal li “qed ngħixu f’Ġenna f’dan il-mument”. Qal li jekk wieħed iħares dawra tond madwarna wieħed jista’ japrezza aħjar id-deċiżjonijiet għaqlin li ttieħdu. Il-poplu kellu parti importanti minn dan is-suċċess għax fehem li dawn l-istess deċiżjonijiet kienu jħarsu l-interess ta’ kulħadd.

Is-settur tat-Turiżmu mhuwiex biss dipendenti minn kif se nkunu qed nikkontrollaw il-pandemija aħna, iżda anke pajjiżi oħrajn. Pajjiżna bħalissa jinsab f’pożizzjoni lil hinn minn kif prova jpenġiha l-oppożizzjoni u minkejja xnigħat li konna fost l-agħar, pajjiżna jinsab fost l-aqwa fid-dinja fir-rata ta’ tilqim.

Rigward l-immigrazzjoni, Abela qal li tluq mix-xtajtiet Libiċi kien hemm ħafna, iżda f’pajjiżna dawn kienu mill-anqas. Il-Prim Ministru spjega li din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel f’temp ta’ ftit sigħat iżda appella lill-oppożizzjoni biex tingħaqad ma’ dan il-gvern fl-għajta tan-nies li pajjiżna ma jiflaħx aktar.

Il-Prim Ministru qal li tista’ tikkritika li dan il-gvern ħa pożizzjonijiet iebsa. Gvern li ħadem fuq il-pjan ta’ rilokazzjoniijiet fejn sa din il-ġimgħa; grupp ta’ 120 imigrant ieħor ġew rilokati. Dan il-gvern qiegħed imexxi s-suġġett tal-immigrazzjoni fuq tliet binarji;

-Kien hemm pożizzjoni biex jitrażżnu l-wasliet
-Ħidma fuq ir-rilokazzjoni
-Sfida biex jiġu ritornati dawk li m’għandhomx dritt ta’ protezzjoni.

Filwaqt li fakkar il-Memorja ta’  Joe Micallef Stafrace,  Abela qal li x-xogħol ta’ kull ġurnalist huwa li jistaqsi domandi ibsin u huwa dover tal-politiċi li jwiġbuhom. Hawnhekk il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tat-trasparenza mal-midja bħala pilastru importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Żied jgħid li biex temmen fil-midja trid tkun miftuħ u mhux tattakka lill-ġurnalisti. Wiegħed li se jkun l-aqwa difensur tal-ġurnalisti kollha, ġejjin mil-liema media house ġejjin u li mhu se jħalli lil ħadd jattakkahom.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ma naqasx milli jikkonferma li dan il-gvern huwa gvern ta’ kelma u li jekk wiegħed li l-vouchers se jerġgħu joħorġu. Abela qal li din il-wiegħda se tinżamm f’timeline li fih ikunu jistgħu jiggwadanjaw minnhom dawk is-setturi kollha li jikkwalifikaw. Din id-deċiżjoni trid tagħmel sens mal-pandemija f’aspett mediku u ma jistax ikun li bħala gvern jieħu deċiżjoni li filwaqt li jappella għall-kawtela jieħdu deċiżjonijiet li jmorru fid-direzzjoni inversa. 

Share With: