“Kien Ministru sod, politiku minn ġuf ommu, avukat eċċellenti, u ġurnalista prim”… Titħabbar il-mewt ta’ Dr Joe Micallef Stafrace

“Kien Ministru sod, politiku minn ġuf ommu, avukat eċċellenti, u ġurnalista prim.” Kien b’dawn il-kliem li l-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat, iddeskriva lil Dr Joe Micallef Stafrace, li tħabbret il-mewt tiegħu fl-età ta’ 87 sena.

Dr Micallef Stafrace kien baqa’ attiv sew fis-settur li tant kien għal qalbu, dak tal-ġurnaliżmu, bl-aħħar artiklu tiegħu fil-gazzetta t-Torċa jkun datat il-Ħadd 17 ta’ jannar li għadda.

Huwa kien ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1962, u sussegwentement kien anke ġie elett fl-elezzjonijiet tal-1966 u dik tal-1971.

Taħt Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Dom Mintoff huwa kien serva bħala Ministru għall-Industrija, l-Agrikoltura u t-Turiżmu.

Huwa kien ġurnalist, editur, avukat u anki għallem il-liġi tal-istampa fl-Università ta’ Malta.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva lil Micallef Stafrace bħala wieħed mill-esponenti ewlenin tal-Kabinett tal-1971 li wettqu bidliet kruċjali. Tenna li Micallef Stafrace mhux biss ħalla l-marka personali tiegħu fil-ġurnaliżmu, iżda għadda l-għerf li kellu lil tant studenti bit-tagħlim metikoluż tiegħu dwar il-liġi tal-istampa.

Żied jgħid li huwa għex u ħadem fi żminijiet politiċi diffiċli, madankollu dejjem baqa’ sod fil-prinċipji soċjalisti tiegħu.

“L-imħabba tal-avukat Micallef Stafrace lejn il-Partit Laburista u pajjiżna mhi se tintesa qatt,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Share With: