Jitnieda l-“Guest Experience”; Proġett immirat għat-tisħiħ u t-titjib tal-ħiliet fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej flimkien mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi, TCTC u MHRA nedew programm imsejjaħ ‘Guest Experience’. Il-proġett, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-fondi Erasmus +, huwa mmirat biex isaħħaħ u jtejjeb il-ħiliet fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.

L-Institut Paul Bocuse fi Franza u l-Università tax-Xjenzi Applikati Haaga-Helia fil-Finlandja huma wkoll imsieħba fil-proġett.

Iċ-Ċermen tal-ITS, is-Sur Carlo Micallef u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech, fi stqarrija konġunta qalu li fl-industrija tat-turiżmu kompetittiva tal-lum u l-aspettattivi tal-vjaġġatur modern li dejjem qed jitlob esperjenzi ta’ vjaġġar awtentiċi biex jagħmlu memorji sbieħ, li jkollok persunal imħejji u b’ħiliet baxxi. Huwa għalhekk bi pjaċir li l-ITS ingħaqdet ma’ dan il-proġett u ħadet ir-rwol ta’ koordinatur ewlieni tal-proġett. Dan huwa proġett ieħor li fih l-Istitut għandu jimbarka ma’ sħab Maltin TCTC u MHRA, kif ukoll ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni internazzjonali barranin li magħhom l-ITS diġà stabbilixxa u bena kooperazzjoni qawwija fis-snin li għaddew.

Meta tkellem mas-Sur Ray Abela, li mexxa l-proġett flimkien mal-ITS, is-Sur Abela qal li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, ġiet żviluppata strateġija ġdida għat-taħriġ li jissodisfa t-talbiet u l-ħtiġijiet minħabba dawn ċ-ċirkostanzi straordinarji.

“Ma kien faċli xejn li tfassal mill-ġdid u tgħaqqad it-tip konvenzjonali ta’ taħriġ li jingħata mal-kunċett diġitalizzat online fl-edukazzjoni. Il-ħolqien tal-pjanijiet kollha tal-kors u kull materjal tal-lecture f’format multimedjali kien qabża oħra ‘l quddiem biex inġibu l-korsijiet tagħna eqreb ta’ kull parteċipant. Dan se jmexxi l-proġett tagħna biex ikun aktar aċċessibbli għall-industrija tal-ospitalità fi żmien meta l-industrija tkun għaddejja minn sfida bla preċedent.”

Il-proġett huwa mmirat lejn persunal b’ħiliet baxxi li jaħdmu fl-Industrija tal-Ospitalità u t-Turiżmu, żgħażagħ inattivi, individwi mhux kwalifikati u adulti li jixtiequ jsegwu karriera fl-industrija. L-ewwel fażi se tkun iffokata fuq in-numeriżmu, il-litteriżmu, il-ħiliet fl-ICT u s-servizz tal-konsumatur għall-industrija. It-tieni fażi se tiffoka fuq il-ħiliet tat-tmexxija tad-dar u tal-immaniġġjar tal-ikel u se tikkonsisti minn pjazzamenti fl-industrija, liema pjazzamenti se jiġu pprovduti mill-MHRA.

Il-proġett se jkun ikkumplimentat minn taħriġ li se jibda aktar tard dan ix-xhar u se jkun iffinanzjat permezz ta’ fondi lokali. Ir-riżultat ta’ dan il-proġett huwa li jitħarreġ minimu ta’ 500 persuna.

Il-programmi ta’ taħriġ issa kollha huma stabbiliti biex jiġu mgħallma fuq bażi ta’ studju awtonomu mill-ITS u t-TCTC fuq il-pjattaformi rispettivi onlajn. Dawn il-korsijiet huma akkreditati mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi u se jiġu kkonsenjati u amministrati kemm mit-TCTC kif ukoll mill-ITS lokalment.

 L-Institut Paul Bocuse u l-Università tax-Xjenzi Applikati Haaga-Helia appoġġaw il-proġett fl-iżvilupp tat-taħriġ speċjalizzat waqt li l-MHRA Malta se tkun qed tikkoordina l-job shadowing.

Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tista’ tinstab fuq www.theguestexperience.eu

Share With: