Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq bagalja u laptop

Bulgaru ta’ 33 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’rabta ma’ serq ta’ bagalja mill-Belt Valletta u serq ta’ laptop minn uffiċċju fil-Floriana.

Huwa ġie arrestat wara jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija għall-Komunità tal-Belt Valletta.

L-investigazzjoni bdiet nhar l-14 ta’ Jannar, wara rapport ta’ serq ta’ bagalja mill-Belt Valletta. Mill-istħarriġ irriżulta li l-istess raġel seraq ukoll laptop minn uffiċċju fil-Floriana nhar id-19 ta’ Jannar.

Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee.

Share With: