Irkant ta’ pupu li jippersonifika lis-Senatur Sanders itella’ eluf ta’ Ewro f’fondi għall-karità

Meme popolari tas-Senatur Amerikan, Bernie Sanders, immaterjalizza ruħu f’pupu maħdum bil-ganċ u issa qiegħed għall-irkant fuq eBay biex jinġabru fondi għall-organizzazzjoni tal-karità – “Meal on Wheels America”.

Fl-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti, Joe Biden, is-Senatur Sanders deher bilqiegħda b’saqajh fuq xulxin, liebes kannella u b’ingwanti bojod. Dan ir-ritratt sar popolari ħafna fil-midja soċjali u issa persuna ffortunata se tkun sid ta’ pupu li sar bħala tribut għall-meme tal-inawgurazzjoni ta’ Sanders.

Dan il-pupu uniku diġà ttella’ għall-irkant mis-sid, Tobey King, li wiegħed li l-prezz li bih jinbigħ dan il-pupu se jmur kollu għall-karità. 

“Kont qiegħed nitkellem ma’ ħabib tiegħi li jaħdem oġġetti bl-idejn fejn qalli li Bernie biegħ xi flokkijiet u ta l-flus b’donazzjoni lil Meals on Wheels ta’ Vermont. Kien hawn li ddeċidejt li nagħmel l-istess bil-pupu li ħdimt jien,” qal King, sid it-Tobey Time Crochet. Huwa żied jgħid li, “il-popolarità li kiseb dan il-meme, nittama li l-Meals on Wheels jingħataw donazzjoni tajba”.

L-irkant ta’ dan il-pupu magħmul bl-idejn beda bil-prezz ta’ 99 cents iżda sal-bieraħ kien hemm hemm diġà 149 offferti u l-prezz tela’ għal aktar minn $15,000 (€12,369). L-irkant jiġi fi tmiemu llum.

Is-Senatur Sanders huwa persuna li jaħdem ħafna biex jinġabru fondi għal Meals on Wheels. Din l-organizzazzjoni tgħin lill-persuni vulnerabbli li huma nieqsa mill-ikel u li huma maqtugħin għalihom. Il-ġimgħa l-oħra l-ħanut tal-kampanja ta’ Sanders beda jbigħ flokkijiet li fuqhom hemm stampat ritratt li ta bidu għal din il-meme u d-dħul minn dan il-bejgħ qiegħed jingħata kollu lill-Meals on Wheels fil-belt ta’ Sanders, jiġifieri, Vermont.

Share With: