“In-newtralità qiegħda fid-DNA tal-Maltin” – Il-Ministru Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo sostna fil-Parlament li hija fid-DNA tal-Maltin u l-Għawdxin li nkunu newtrali.

Huwa irrimarka dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni dwar jekk kienx hemm żviluppi fuq ir-rapporti li kienu ħarġu matul is-sena li għaddiet li Malta u l-Istati Uniti kienu se jiffirmaw il-ftehim imsejjaħ SOFA fejn, fi ftit kliem, jekk ċittadin Amerikan iwettaq reat f’Malta ma jkunx jista’ jiġi iġġudikat Malta imma f’pajjiżu.

Bartolo sostna li dan il-każ huwa “midfun, mejjet u niten” waqt li nsista li ħafna rapporti li dehru fuq il-mezzi tax-xandir kienu żbaljati u skorretti.

Huwa qal li kemm Gvern Nazzjonalista kif ukoll Gvern Laburista kienu kontra dan it-tip ta’ ftehim u saħaq li l-gvern tal-lum mhu lest jidħol f’ebda ftehim li jhedded jew jherri n-newtralità u s-sovranità tal-pajjiż.

Kien hawn li semma kif matul is-snin il-poplu tgħallem ikun kburi bin-newtralità tant li nkunu newtrali daħlet fid-DNA tagħna waqt li żied li meta snin ilu saret talba mill-Gvern Amerikna din ma kinitx fuq is-SOFA imma fuq il-Partnership for Peace.

Fl-intervent tiegħu Bartolo irrefera wkoll għas-sitwazzjoni fil-Libja fejn semma, fost oħrajn, kif il-Gvern qed jara kif ikun hawn kuntatti bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi.

Waqt li semma kif fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari l-Libja hija vittma, Bartolo nsista li huwa u l-Gvern iridu li l-Libja l-ewwel tkun l-art tal-opportunitajiet għal-Libjani mbagħad għall-Maltin.

Dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fuq l-arrest tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej stqarr li din hija simili għall-pożizzjoni tal-UE.

Share With: