Il-Qala għal darba oħra taħt attakk – is-Sindku Laburista Paul Buttigieg

Minn Victor Vella

“Il-Qala ghal darba ohra taħt attakk. Issa kien imiss li jinghata permess biex jinbnew numru ta’ villel ġo wieħed mill-widien tal-Qala. L-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja romblu minn fuq il-Kunsill Lokali tal-Qala, ir-residenti, il-bdiewa taż-żona u numru ta’ NGOs ambjentali. Meta ser jindunaw li l-karatteristiċi tal-Qala u ta’ Għawdex ser jintilfu darba ghal dejjem?! B’dawn id-deċiżjonijiet, Għawdex fi ftit snin oħra ser jispiċċa biss estensjoni ta’ Malta”.

Dan iddikjarah is-Sindku Laburista tal-Qala, Paul Buttiġieġ wara li sar magħruf li l-Awtorità għall-Ippjanar approvat applikazzjonijiet għall-bini ta’ tlett idjar bil-pixxina magħhom fil-Qala. Parti mill-iżvilupp tinsab f’żona barra l-iżvilupp (ODZ).

Il-Kunsill Lokali tal-Qala, bdiewa u għaqdiet ambjentali sa mil-2007 kienu oġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni fil-Wied tal-Marġa. L-Awtorità Maltija għar-Riżorsi wkoll kienet oġġezzjonat għall-permess, li oriġinarjament kien intalab għal ħames vilel, minħabba li dan seta’ jaffettwa l-ilma f’din iż-żona.

L-Awtorità tal-Ippjanar wieġbet u qalet li l-iżvilupp huwa fit-tarf taż-żona tal-iżvilupp tal-Qala. Qalet li l-permess oriġinali PA 4724/07 ingħata wara deċiżjoni tat-Tribunal f’Lulju 2014, li nnota r-rapporti dwar riskju tal-għargħar u kkunsidra miżuri ta’ mitigazzjoni li eventwalment ġew imposti fil-permess tal-iżvilupp.

Żiedet li waqt li ż-żona tegħreq għax qiegħda f’wied, l-MRA dak iż-żmien aċċettat il-miżuri ta’ mitigazzjoni proposti mill-applikant. Qalet li l-introduzzjoni tal-parti tal-pixxina f’ODZ ġiet approvata riċentament permezz ta’ PA 6923/20. Il-PA qalet li l-Kunsill Lokali tal-Qala ma ressaqx oġġezzjoni fl-aħħar applikazzjoni tal-iżvilupp.

Share With: