Il-Pulizija b’aktar arresti b’rabta ma’ droga

Il-ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, mir-Rapid Intervention Unit u mill-Pulizija tad-Distrett wasslet għal suċċess ieħor b’aktar arresti ta’ persuni fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga, lesta għat-traffikar.

Ilbieraħ filgħodu, waqt ronda mill-Iskwadra tar-RIU u l-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’diversi ġonna fil-Marsa, innutaw żewġ persuni suspettużi, raġel mis-Somalja ta’ 23 sena u raġel mill-Gambja ta’ 27 sena. Iż-żewġt irġiel ġew iċċirkondati u saret tfittxija fuqhom li rriżultaw li kienu fil-pussess ta’ 31 pakkett ħaxixa tal-kannabis, 13-il raża tal-kannabis u 20 pakkett droga sintetika.

Il-Maġistrat Dr Charmaine Galea ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum.

F’operazzjoni oħra, din id-darba mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar, il-Ħamis illi għadda waqfu vettura BMW suspettuża fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar. Saret tfittxija fuq iż-żewġ persuni li kienu fil-vettura, mara ta’ 29 sena li kienet qiegħda ssuq u ġuvni ta’ 21 sena, u instabu grinder b’sustanza suspettata kannabis u żewġ boroż b’ammont ta’ sustanza suspettata kannabis kif ukoll ponn tal-ħadid. Fuq il-ġuvni nstabu żewġ boroż b’sustanza suspettata kannabis.

Wara iktar investigazzjoni u tfittxijiet, fuq il-mara rriżulta ukoll li kellha joint. Iż-żewġ persuni ġew arrestati u ttieħdu fil-Lock-up tal-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana. Il-mara mistennija titressaq ukoll aktar tard illum.

Ir-rondi mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar komplew ilbieraħ filgħaxija u fil-parkeġġ tal- Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, innutaw grupp ta’ 20 żagħżugħ, kif ukoll bdiet tinxtamm riħa suspettuża. Il-Pulizija tad-Distrett bl-assistenza tar-RIU, fittxew fuqhom fejn irriżulta li fuq erba’ ġuvintur, tliet Maltin ta’ 17, 20 u 22 sena u fuq ġuvni Sirjan ta’ 20 sena, instabet sustanza suspettata droga kannabis, grinders, miżien u pakkett tas-sigaretti b’joint.

L-investigazzjonijiet rigward din is-sejba għadhom għaddejjin.

Share With: