Il-President George Vella Jiftaħ l-Edizzjoni tal-2021 tal-Malta Sustainability Forum

Il-Malta Sustainability Forum, organizzat mill-APS Bank, tnieda dalgħodu, fl-ewwel jum minn avveniment fuq ħamest ijiem bis-sehem ta’ ’l fuq minn 80 espert lokali u internazzjonali fil-qasam tas-sostenibbiltà.

Taħt il-kappa tat-tema ewlenija ‘The Time is Now’, il-Forum qed jimmira li jiġbed l-attenzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha kif ukoll tal-pubbliku ġenerali dwar il-fatt li l-isforzi sabiex jitwettqu s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) jeħtieġ li jiġu amplifikati immedjatament.

Il-Forum, li qed ikun imxandar online fil-format ta’ studio tat-televiżjoni, infetaħ dalgħodu b’intervista diretta ta’ siegħa mal-E.T. Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella. Fid-diskors tiegħu, il-President ta merħba lill-parteċipanti kollha u enfasizza l-importanza ta’ din it-tieni edizzjoni tal-Malta Sustainability Forum.

L-impenn ta’ Dott. Vella lejn is-sostenibbiltà, l-ambjent u t-tibdil fil-klima jaf il-bidu tiegħu fiż-żmien meta kien Ministru għall-Ambjent. Fid-diskors tiegħu, fakkar fir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent li kien introduċa fl-1998 – dokument ewlieni fir-rigward tal-assessjar tal-progress ta’ Malta dwar kwistjonijiet ambjentali mis-sena 2000 lil hawn. Jidher ċar li t-tema tas-sostenibbiltà għadha għal qalbu sal-lum.

Dott. Vella saħaq li ‘l-konsum sostenibbli’ huwa mutur ewlieni sabiex jintlaħqu l-għanijiet kritiċi ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti sal-2050. Osserva li, fi ħdan il-Forum ta’ din is-sena, il-modulu “Doughnut Economy”, li jittratta l-użu tar-riżorsi b’mod ġust u sostenibbli, għandu jkun wieħed interessanti.

Waqt id-diskors tiegħu tal-ftuħ, il-President semma wkoll diversi suġġetti li se jiġu diskussi din il-ġimgħa, fosthom l-għanijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-azzjoni dwar il-klima. Faħħar ukoll wieħed mill-moduli li se jittella’, immexxi miż-żgħażagħ, li se jippreżenta proposti għal futur aħjar. “Iż-żgħażagħ tal-lum huma impenjati aktar minn qatt qabel biex jippromwovu kwistjonijiet ambjentali fosthom ir-riċiklar, l-użu mill-ġdid, u l-ekonomija ċirkolari,” ikkummenta Dott. Vella. “Mill-ġdid, l-edukazzjoni u r-rappreżentanza demokratika huma kruċjali. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandu jkollha leħen fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”

F’ħarsa ’l quddiem, il-President Vella qal li l-progress lejn it-twettiq tal-SDGs tal-2050 għandu jibqa’ jiġi indirizzat. Fost ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, sostna li għandha titfassal strateġija għal Malta dwar it-trasport sostenibbli, sabiex tikkumbatti l-użu eċċessiv tal-karozzi privati, filwaqt li żied li “il-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, u l-iżvilupp ta’ industrija sostenibbli, hija urġenti jekk l-UE trid tilħaq il-mira ambizzjuża ta’ żero emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) sal-2050 –  għan li jinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li tħabbar f’Diċembru tal-2019.”

Il-President Vella nnota wkoll b’sodisfazzjon li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) qed issir parti integrali mill-mod kif in-negozji joperaw, hekk kif dawn qed jieħdu ħsieb l-interessi tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-soċjetà, bil-miri ta’ qligħ jiġu bbilanċjati mal-miri Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza Korporattiva.

Il-President Vella kkonkluda billi rrikonoxxa l-problemi li Malta u l-komunità internazzjonali jħabbtu wiċċhom magħhom fil-qasam tas-sostenibbiltà. “It-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa numru ta’ pajjiżi b’mod sproporzjonat, minħabba żieda fil-livell tal-baħar u temperaturi ogħla,” qal. “Għaldaqstant, huwa fl-aqwa interess tagħna li nkunu attivi kemm jista’ jkun f’dan il-qasam.”

Il-President Vella għalaq fuq nota pożittiva billi laqa’ d-deċiżjoni tal-President Biden li l-Istati Uniti tingħaqad mill-ġdid fil-Ftehim ta’ Pariġi bħala pass tajjeb biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet u oħrajn li Malta u d-dinja qed jaffaċċjaw.

Il-Malta Sustainability Forum 2021 se jibqa’ għaddej sa nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar. Biex tirreġistra, u biex issegwi l-aħħar aġġornamenti, jekk jogħġbok żur maltasustainabilityforum.com

Share With: