Il-PM Taljan jirriżenja wara kritika għal mod kif mexxa l-pajjiż matul il-pandemija

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte irriżenja u f’dan l-istadju mhuwiex magħruf jekk huwiex se kun kapaċi jifforma u jmexxi koalizzjoni oħra biex jiggverna.

Huwa kien ikkritikat għall-mod ta’ kif kien qiegħed imexxi matul il-pandemija. Dan hekk kif sa mill-bidu tal-virus tal-Covid-19, l-Italja rreġistrat aktar minn 85,000 vittma.Conte iltaqa’ mal-President Sergio Mattarella u jista’ jkun qiegħed jitolbu biex jifforma gvern aktar b’saħħtu wara li l-ġimgħa li għaddiet tilef il-vot ta’ fiduċja fis-Senat. Minkejja dan jista’ jkun hemm xi ħadd ieħor li joħodlu postu jew anke tissejjaħ elezzjoni bikrija.

Il-President Mattarella mistenni jitkellem mal-mexxejja politiċi l-oħrajn, liema diskussjonijiet mistennija jieħdu jumejn qabel titħabbar id-deċiżjoni ta’ x’se jkun il-pass li jmiss biex jinħatar Prim Ministru ġdid.

Share With: