Il-PM itenni l-appoġġ tal-gvern lill-Fondazzjoni Richmond bil-għan li tibqa’ toffri servizzi professjonali fil-qasam tas-saħħa mentali

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żar l-uffiċini tal-Fondazzjoni Richmond f’Santa Venera li toffri bosta servizzi professjonali lil dawk il-persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali.

Stħarriġ kummissjonat mill-Fondazzjoni Richmond iddetermina li l-pandemija tal-Covid-19 laqtet is-saħħa mentali tan-nies, fosthom il-benesseri tagħhom, iż-żieda fl-ansjetà, sintomi ta’ dipressjoni u solitudni.

Matul is-sena li għaddiet, id-domanda għal servizzi ta’ terapija żdiedu b’madwar 500 sessjoni waqt li t-telefonati fuq il-linja ta’ għajnuna 1770 żdiedu b’erba’ darbiet biex laħqu total ta’ 3,600 telefonata.

Il-Fondazzjoni Richmond ingħatat appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għas-Saħħa u s-Servizzi tas-Saħħa Mentali sabiex testendi s-servizz tal-Helpline 1770 u jibda jiġi offrut 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

L-istudju wera li matul is-sena, l-impatt fuq is-saħħa mentali kawża tal-Covid-19 mistenni li jkun iktar qawwi, bl-esperti qed jenfasizzaw l-importanza li s-servizzi tas-saħħa mentali adekwati jkunu disponibbli sabiex itaffu l-effetti fit-tul.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru ngħataw ħarsa ġenerali tas-servizzi offruti mill-Fondazzjoni li għal dawn l-aħħar 27 sena kienet minn ta’ quddiem biex tippromwovi u tipprovdi servizzi lil persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-gvern se jibqa’ impenjat li jipprovdi l-għajnuna kollha sabiex il-Fondazzjoni Richmond tibqa’ toffri l-aħjar servizz professjonali fil-qasam tas-saħħa mentali, partikolarment fix-xhur u fis-snin li ġejjin.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne radd ħajr lill-impjegati tal-Fondazzjoni filwaqt li afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jressaq is-servizzi tas-saħħa eqreb il-komunità, li huwa prinċipju ewlieni  tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Richmond Anthony Guillaumier irringrazzja lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru tas-sostenn finanzjarju li ngħatat il-Fondazzjoni matul is-snin. “In-nefqa ta’ €3 miljun fis-sena f’servizzi ma kinitx tkun possibbli mingħjar l-injezzjoni diretta finanzjarja li offra l-gvern”, qal is-Sur Guillaumier.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Stephania Dimech Sant qalet li Malta teħtieġ servizzi tas-saħħa mentali aktar varjati u b’riżorsi tajba fil-komunità.

Il-Fondazzjoni Richmond qalet li tibqa’ impenjata li tikkollabora mal-gvern u ssostni s-servizzi attwali tagħha bil-għan li tindirizza sfidi identifikati fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u tipprovdi servizzi ġodda skont il-ħtieġa.

Share With: