Il-PM Abela kunfidenti li Malta mhix se tkun effettwata min-nuqqas ta’ provvista tal-vaċċini

Illum il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-ġurnalisti li jinsab kunfidenti li Malta mhix se tkun impattata b’nuqqas ta’ provvista ta’ vaċċini wara li kumpaniji tal-farmaċewtika qalu li se jkunu qed jipprovdu inqas vaċċini milli inizjalment kien ippjanat.

F’Jannar, Pfizer qalet li se tkun qed tipprovdi inqas vaċċini milli ppjanat lill-Unjoni Ewropea għal dan ix-xahar. Dan minħabba tibdil fil-proċessi tal-manifattura. AstraZeneca wkoll qalet li ffaċċjat problemi bil-produzzjoni tagħha, li se jkun qed jirriżulta f’nuqqas fil-produzzjoni.

Madankollu l-Prim Ministru Abela tenna li Malta qed taħdem b’mod pro-attiv ma’ entitajiet tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni.

“Qed naħdmu biex nassiguraw li nilħqu l-mira li kellna għall-vaċċinazzjoni,” huwa qal f’kummenti lill-ġurnalisti wara laqgħa tal-kabinett fil-kunsill lokali tal-Fgura aktar kmieni llum.

S’issa diġà ngħataw kwżi 20,000 doża tal-vaċċin, b’aktar minn 1,100 persuna jirċievu d-doża tal-vaċċin darbtejn.

Il-Gvern kien qal li l-intenzjoni tiegħu huwa li tintlaħaq il-herd immunity sas-sajf, għalkemm din il-mira tista’ timxi aktar ’il quddiem ladarba jiġi approvat il-vaċċin ta’ AstraZeneca.

Share With: