Il-Papa jkeċċi qassis Malti li abbuża minn tifel

Fr Donald Bellizzi jingħata d-dispensa minn saċerdot u reliġjuż

Il-Papa Franġisku laqa’ it-talba tal-Ordni Franġiskan biex ineħħi lil Fr Donald Bellizzi minn saċerdot u reliġjuż.

Bellizzi, li għandu 50 sena, qed jiskonta piena ta’ tliet snin ħabs wara li nstab ħati li bejn l-2010 u l-2013 abbuża sesswalment minn ġuvni f’wieħed mill-kunventi lokali tal-imsemmi ordni reliġjuż.

L-eks-kappillan ta’ Burmarrad kien jieħu żgħażagħ interessati li jsiru patrijiet għal irtir fil-kunvent tal-Franġiskani Konventwali f’Burmarrad u kien hemmhekk li ħajjar wieħed jimmasturbah kif fil-fatt seħħ.

Dak li ġara spiċċa wasal f’widnejn il-Kurja li għamlet rapport lill-Pulizija fejn din mill-ewwel bdiet tinvestiga u anke kellmet liż-żagħżugħ li ikkonferma dak li ġara. Il-ġuvni kellu 14-il sena meta seħħ il-każ.

Bellizzi tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fl-2015 u eventwalment instab ħati li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minuri u kien ikkundannat tliet snin ħabs.

Huwa appella minn din is-sentenza madankollu f’Novembru li għadda l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħditlu t-talba.

Hija irrimarkat li suppost kellu jkun ‘role model’ għall-vittma anke għall-fatt li kien anke midħla tal-familja tiegħu tant li baqa’ jmur id-dar tal-ġenituri tiegħu anke wara dak li seħħ.

L-Imħallef Scerri Herrera iddeskriviet ukoll dak li seħħ bħala aġir “deplorabbli u kundannabbli”.

Peress li Bellizzi huwa membru ta’ ordni reliġjuża l-Knisja Maltija ma setgħetx tieħu passi diretti kontrih. Ftit wara li l-appell kien miċħud l-Ordni Franġiskan ressaq it-talba formali biex jitneħħa.

Dan il-ġurnal staqsa kelliem tal-Knisja dwar l-eżitu ta’ din it-talba fejn talabna nistaqsu lis-Safeguarding Commission li tinvestiga abbużi minn qassisin.

Kelliema għalih qaltilna li wara li saret it-talba lill-Papa, Bellizzi ngħata d-dispensa minn saċerdot u reliġjuż.

“Id-digriet mill-Vatikan inħareġ fit-3 ta’ Diċembru u Donald Bellizzi ġie innotifikat u iffirmah fit-22 ta’ Diċembru 2020”, żiedet il-kelliema.

Bellizzi huwa wieħed minn 84 persuna, fosthom żewġ nisa, li ismu jinsab imniżżel fir-reġistru ta’ dawk li abbużaw minn minorenni.

Share With: