Il-MAM tiddikjara tilwima industrijali

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ddikjarat tilwima industrijali min-nhar il-Ħamis li ġej. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li  hu inaċċettabbli li konsulent mediku ngħata trasferiment għax esprima l-ġudizzju professjonali tiegħu.

Intant il-MAM qiegħda titlob laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Fl-istqarrija, il-MAM sostniet li t-tobba għandhom ikunu ħielsa li jesprimu l-opinjoni professjonali tagħhom mingħajr ma jkunu intimidati jew imbeżżgħin li se ssirilhom xi ħsara. 

Saħqet li dan hu l-obbligu etiku ta’ kull tabib. L-Assoċjazzjoni medika tkompli biex tgħid li t-tneħħija ta’ Dr Grech hija ta’ tħassib għall-professjonisti fil-gradi kollha. Qalet li l-Ministeru tas-Saħħa ta l-impressjoni li persuna waħda biss tista’ taħdem fuq proġett tal-UE, u sostniet li dan mhux ġust fuq it-tobba li diġà qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol.

Għaldaqstant il-MAM iddikjarat tilwima industrijali li tibda l-Ħamis li ġej billi t-tobba jibdew b’azzjoni dimostrattiva. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-intenzjoni tal-MAM hija li teskala din it-tilwima minn nhar it-Tnejn li ġej.

Din it-tilwima industrijali ddur mat-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech mir-responsabiltà għall-kordinazzjoni tar-rispons tas-saħħa pubblika għall-Covid-19, wara li rrakkomanda kawtela fuq il-konsegwenza tal-ftuħ tal-iskejjel.

Share With: