Il-GWU titlob lill-MCESD jiddiskuti r-‘right to disconnect’

Il-GWU talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex issir laqgħa ħalli fiha jiġi diskuss ir-rapport li ħejja l-ewroparlamentari Alex Agius Saliba dwar ir-‘right to disconnect’, jiġifieri d-dritt li ħaddiem jaħdem barra l-ħin tax-xogħol, u kif se jidħol fis-seħħ.

L-unjin temmen li d-diġitalizzazzjoni ġabet diversi vantaġġi inkluż flessibilità fil-ħin tax-xogħol, teleworking, tnaqqis ta’ traffiku u tnaqqis ta’ tniġġiż fl-arja madankollu din waslet ukoll biex il-ħin tax-xogħol twal iżjed u tkisser il-bilanc bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ minħabba li l-ħaddiem qed jibqa’ aċċessibbli.

Dan qed ikollu effett detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema u ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-ħaddiema bħal ħlas ġust,  is-saħħa u s-sigurtà u tnaqqis ta’ benefiċċji skont il-ftehim kollettiv.

Minbarra hekk il-pandemija wriet li d-dinja tax-xogħol tista’ tkun differenti minn dik tal-passat għaldaqstant huwa imperattiv li dan ir-rapport jiġi diskuss kif ukoll tiġi diskussa triq ʼil quddiem kif ser jigi implimentat dan id-dritt.

Il-GWU temmen li huwa important li din il-legiżlazzjoni tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr u tkun waħda b’saħħita biex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema.  

Punti li l-GWU taqbel magħhom fir-rapport huma li dan id-dritt għandu japplika għall-ħaddiema kollha li jużaw għodda diġitali, kemm ħaddiema pubbliċi kif ukoll fil-privat, id-dritt tal-privatezza, li min iħaddem ma jistax jobbliga lill-ħaddiema jibqgħu jaqraw l-emails u jirrispondu l-mobile wara l-ħin tax-xogħol, kumpens għal xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol u li min iħaddem irid jipprovdi taħriġ u informazzjoni bil-miktub dwar id-dritt illi taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol.

L-unjin tqis bħala punt important ieħor li r-rapport jinkludi salvagwardji lill-ħaddiema li jitolbu dan id-dritt minn kwalunkwe vittimizzazzjoni jew riperkussjoni negattiva kif ukoll mekkaniżmu li jittratta l-ilmenti jew il-ksur tal-istess dritt u li d-dettalji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom jiġu miftiehma u maqbula bejn l-imsieħba soċjali ħalli b’hekk jagħti dimensjoni akbar l-irwol tal-imsieħba soċjali.

Kien għalhekk li fid-dawl  ta’ dan kollu l-GWU talbet laqgħa tal-MCESD biex jiġi diskuss dan id-dritt u kif ser jidħol fis-seħħ biex ikunu protetti l-ħaddiema kollha.

Share With: