Il-GWU tirtira t-tilwima industrijali fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet tas-Servizz Pubbliku

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi rtirat it-tilwima industrijali li kienet bdiet fid-Diviżjoni tax-Xogħljiet tas-Servizz Pubbliku wara li ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat.

Il-kwistjoni, li ġiet riżolta fl-aħħar jiem wara diversi diskussjonijiet, kienet tikkonċerna lill-ħaddiema fid-Diviżjoni li jagħmlu xogħol ta’ periklu fl-għoli sabiex dawn jiġu mħallsa skont il-Public Service Management Code (PSMC). 

Fi stqarrija li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet, il-GWU kienet qalet li ltaqgħet mal-Management fejn intlaħaq ftehim verbali dwar kif inhi l-aħjar sistema biex id-dmirijiet li saru, jiġu mniżżla u rrekordjati b’mod oġġettiv.

Qalet iżda li ftit tal-jiem ilu ġiet infurmata li kien għad ħaddiema li xorta waħda għadhom ma tħallsux ta’ numru ta’ xhur bir-rati stabbiliti fil-Public Service Management Code (PSMC). 

Il-GWU kienet qalet li jekk it-tilwima ma kinitx se tiġi solvuta fi żmien tmint ijiem, ma kinitx qiegħda teskludi azzjoni industrijali. Minn dakinhar, id-diskussjonijiet komplew għaddejjin u fl-aħħar jiem din it-tilwima ġiet riżolta, bil-GWU tiddikjara li ma kinitx se tkompli bl-azzjonijiet.

Share With: