Il-Gvern kommess li joħroġ it-tieni round ta’ vouchers li minnhom igawdu l-poplu u l-pajjiż

Il-preparamenti sabiex jinħareġ it-tieni round ta’ €100 vouchers għal dawk kollha ’l fuq minn 16-il sena jinsabu lesti bħala parti mill-inizjattivi tal-Gvern biex tiġi rriġenerata l-ekonomija u jiġu mgħejjuna dawk in-negozji l-aktar milquta mil-pandemija.

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija huwa tal-fehma li l-vouchers għandhom jinħarġu wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

“Qegħdin nikkonsultaw mal-Awtorità tas-Saħħa flimkien mal-istakeholders l-oħra, sabiex it-tieni round ta’ vouchers joħorġu meta minnhom nistgħu nieħdu l-aqwa benefiċċju”, qal il-Ministru Silvio Schembri.

“L-intenzjoni wara l-inizjattiva tal-vouchers hija propju biex tistimola l-ekonomija b’injezzjoni ta’ aktar minn €45 miljun billi tiġġenera aktar xogħol lin-negozji milquta, filwaqt li sservi bħala inċentiv għall-poplu biex jgawdi kwalità ta’ ħajja aħjar”, sostna l-Ministru Schembri.

Għalhekk din il-miżura se tkun qed tiġi implimentata ladarba jintemm dan il-proċess, anke meta jkun possibbli li l-barijiet u l-każini jkunu jistgħu jiftħu wkoll, biex anke huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva fiskali intiża biex iddawwar ir-rota għal kulħadd.

Il-Ministeru, permezz tal-MIMCOL, ħa ħsieb ukoll li jkun hemm diversi upgrades fis-sistema sabiex din tkun aktar konvenjenti permezz tat-teknoloġija. Dawk in-negozji li diġà għandhom l-app diġitali biex isarrfu l-vouchers mhux se jkollhom bżonn jerġgħu jagħmlu xejn u se jkunu jistgħu jużaw l-app li diġà għandhom attivata.

Dawk il-persuni li għandhom karta tal-identità skaduta jew jeħtieġu li jġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom għandhom jagħmlu dan mingħajr dewmien ma’ Identity Malta sabiex id-dettalji tagħhom jkunu aġġornati għal meta jinħarġu l-vouchers.

Share With: