Il-familja ta’ Miriam Pace: “Inkjesta Pubblika tista’ issarraf f’ġustizzja sħiħa fil-każ”

Il-familja ta’ Miriam Pace, li sfat vittma ta’ traġedja nhar it-2 ta’ Marzu 2020 meta ġġarrfet id-dar tagħha fuqha, qalet li Inkjesta Pubblika tista’ issarraf f’ġustizzja sħiħa fil-każ.

F’ittra mibgħuta mill-avukati tal-familja, intqal li l-familja Pace tirrikonoxxi bħala pass ‘il quddiem il-publikazzjoni tar-rapport tal-panel tal-esperti maħtura mill-Prim Ministru wara li seħħet it-traġedja.

Żiedu jgħidu: “L-istess rapport jagħti konferma li l-istituzzjonijiet naqsu b’mod flagranti fl-obbligu tagħhom li jissalvagwardjaw il-ħajja ta’ terzi, speċifikament f’dan il-każ ta’ Miriam Pace. Għalhekk il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, iwassal biex tissaħħaħ il-fehma tal-familja Pace biex tinfetaħ inkjesta pubblika mingħajr aktar dewmien, liema talba s’issa għad ma hemmx risposta għaliha.”

Fl-ittra, il-familja Pace nnotat ukoll li l-mozzjoni parlamentari rigward il-ftuħ ta’ inkjesta pubblika għandha tiġi diskussa mingħajr dewmien biex l-istess familja Pace tkun mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex is-sejħa għal inkjesta pubblika qed tiġi injorata.

Share With: