Iktar immigranti rilokati lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Ix-xogħol fuq ir-rilokazzjoni ta’ immigranti irregolari lejn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea kompla tul ix-xahar ta’ Jannar bit-trasferiment ta’ iktar minn 120 immigranti għal pajjiżi oħra. Dawn l-immigranti issa se jkomplu bit-talba tagħhom għall-ażil fil-pajjiżi li pparteċipaw fil-proċess ta’ rilokazzjoni.

Il-proċessi ta’ rilokazzjoni kienu koordinati mill-Kummissjoni Ewropea wara t-talbiet ta’ Malta biex ikun hemm qsim tar-responsabbiltà f’każi fejn immigranti irregolari jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Kemm qabel u kemm waqt it-trasferiment ittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni marbuta mal-COVID-19.

Waqt kunsill informali bejn il-ministri tal-intern tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tenna l-istrateġija tal-Gvern Malti dwar l-immigrazzjoni. Huwa emfasizza l-bżonn ta’ iktar proċessi ta’ rilokazzjoni, flimkien ma’ appoġġ lill-pajjiżi ta’ oriġinu u tranżitu.  

“Ir-rilokazzjoni trid tkun parti mill-politika Ewropea tal-immigrazzjoni, flimkien ma’ iktar progress fuq id-dimensjoni esterna fid-dawl tar-ritorn u l-prevenzjoni tal-wasliet,” qal il-Ministru Camilleri.

L-eżerċizzji ta’ rilokazzjoni kienu koordinati minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-istess ministeri f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

It-tħejjijiet involvew l-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-organizzazzjoni internazzjonali tal-migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea (EASO).

Ir-rilokazzjoni kienet kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea fosthom mill-fond ta’ assistenza ta’ emerġenza taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).

Share With: