“Id-dożi tal-Pfizer u l-Moderna biżżejjed biex inlaqqmu lill-poplu” – Il-Ministru Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irrimarka li anke jekk jittardja l-vaċċin tal-Astra Zeneca pajjiżna se jkollu biżżejjed dożi mill-Pfizer u l-Moderna biex sal-aħħar tas-sena jlaqqam lill-poplu kollu.

Waqt li kien qed jitkellem wara l-Prim Ministru fl-isfond tal-istqarrija parlamentari, Fearne irrefera għall-kwistjoni li teżisti bħalissa bejn l-UE u l-Astra Zeneca wara li din possibilment ma tibgħatx l-ammonti maħsuba ta’ vaċċin hekk kif din il-ġimgħa possibilment tkun approvata l-vaċċin tagħha.

Fearne sostna li minkejja li Malta għandha miljun doża ibbukkjata mingħanda l-Astra Zeneca dawk ibbukkjati maż-żewġ kumpaniji l-oħra jkunu biżżejjed.

Huwa żied li kiteb lill-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa biex jekk fil-każ tal-vaċċini li għandna jkun hemm bżonn ‘booster’ il-pajjiżi tal-UE jibdew jaħsbu biex jibbukkjawh ukoll u dan se jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss bejn il-ministri responsabbli mis-saħħa.

Dwar il-varjanti tal-Covid f’pajjiżna qal li s’issa kien hawn tliet każijiet tal-varjant li nstab l-ewwel fl-Ingilterra u ieħor li huwa inqas perikoluż.

Fl-istess waqt ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se jiġu irduppjati s-’sequencing’ biex l-awtoritajiet tas-saħħa jaqbdu l-varjanti li jistgħu jfeġġu fostna.

Fir-rigward tat-tilqim il-Ministru tas-Saħħa huwa semma kif wara li tlaqqmu dawk li għandhom iktar minn 85 sena issa qed jitlaqqmu dawk li għandhom iktar minn 85 sena imma li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.

Huwa semma wkoll li mill-Erbgħa se jibdew jitlaqqmu dawk li għandhom il-kanċer u se jibdew jieħdu l-kimoterapija kif ukoll lill-ispiżjara fil-komunità.

Fearne żied li mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jitlaqqmu l-‘frontliners’ li mhumiex mediċi fosthom il-pulizija, suldati kif ukoll uffiċjali tal-protezzjoni ċivili.

Share With: