“Ħajjet persuna m’għandix tibqa’ sospiża frott l-ineffiċjenzi” – Id-Deputat Jean Claude Micallef

Id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef f’reazzjoni li għamel ftit tas-sigħat ilu fuq il-profil tiegħu qal li hu mhuwiex fil-politika biex jibqa’ sieket. Micallef sostna li dejjem u ddejjaqt mill-kontroversja jew minn xi merċenarji li jiftħu ħalqhom b’aġenda fil-konfront tiegħu.

Tkellem dwar il-każ t’iben il-Kummissarju tal-EU Helena Dalli u l-Pittur Patrick Dalli. Huwa qabbel l-każ ta’ Jean Marc ma’ każ ieħor ta’ ħabib tiegħu li weħel ħabs fuq żewġ xitliet marijuana u ħabib ieħor li weħel sitt xhur ħabs fuq għajdut li ta gramma kokaina lil ħaddieħor.

Skont Micallef dawn is-sentenzi mogħtija jħammru wiċċ il-ġudikatura daqs kemm iħammru wiċċ l-leġislaturi. Żied jgħid li l-ħajja hi vjaġġ t’evoluzzjoni u l-valur li nagħtu ‘l-ħin u l-ġustizzja żgur mhux imkejjel b’titubar mill-qrati u nuqqas t’immodernizzar mill-parlamentari. 

Fuq nota personali qal li ma jista’ jinsa qatt meta għal tliet snin sħaħ kellu l-assi tiegħu friżati f’eternità ta’ diferimenti għax “Spettur li nqabad pożittiv għall-użu tad-droga kkonġura ma’ politiċi biex ifarrkuni”. Minkejja li Micallef fuq dan il-każ kien ġie liberat, simultanjament kienet infetħitlu kawża ċivili u bi flusu depożitati fil-Qorti, din il-kawża sal-lum baqgħet pendenti b’xejn inqas minn tmien differimenti biex tingħata sentenza.

Skont Micallef il-pajjiż naqas fil-konfront ta’ Jean Marc u ta’ bosta oħrajn daqskemm qed jonqos fil-konfront tiegħu u ħajjet persuna m’għandix tibqa’ sospiża frott l-ineffiċjenzi. 

Huwa temm jgħid li din hi s-sitwazzjoni reali li ngħixuha, tifrustrana lkoll u li tweġġgħu bħala ċittadin u membru parlamentari…. “f’parlament fejn il-maġġoranza assoluta tiegħu ffurmat minn individwi li għixu u jgħixu mill-Qorti!”

Share With: