“Ġimgħat ilu fiqt mill-Covid-19… suspetti li għandi danni fil-pulmun”

Minn Victor Vella

“Ġrejt għand diversi tobba wara li fiqt mill-Covid. Ilni ġimgħat li ġejt dikjarata li ħielsa mill-virus. Bqajt imma inbati bi qtugħ ta’ nifs. Għall-ewwel ma tajtx każ daqshekk għax ħsibt li xi ħaġa ta’ ftit jiem. Is-sintomi ippersistew. Kif timxi ftit minuti, hekk ftit aktar minn 25 minuta. nibda bil-qtugħ ta’ nifs. Anki kif nitla taraġ jinqatgħali nifs. meta qabel ġejt infettata ma kienx jiġrili hekk. Issa it-tobba qed jissuspettaw li jista’ jkun li l-Covid19 ħallili dannu fuq il-pulmun. Se nkun qed nagħmel testijiet biex ikun konfermat dan”.

Dan sostnietu ma’ Inewsmalta, persuna, li hi omm u  li mardet għadd ta’ ġimgħat ilu mill-Covid iżda tħoss li saħħitha baqgħet ma ġietx kif kienet.  “Dort tobba u anke mort għand speċjalisti.  Bħali jidher li hawn oħrajn. Għamilt CT Scan u kollox ġie sew. Tajna aktar żmien imma bqajt l-istess.  Issa qed ikomplu bl-investigazzjonijiet u qed jgħiduli li qed isibu li kien hemm każi fejn il-virus għamel ħsara fuq il-pulmun. 

“Nappella lil dawk li qed ibatu minn sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs wara li fieq mill-virus, biex imorru jieħdu pariri mediċi u jagħmlu t-testijiet li hemm bżonn. Jiddispjaċini li f’dan il-pajjiż ftit li xejn hawn kuxjenza fuq l-effett ta’ wara l-Covid19. Nies bħalna għandna nkunu infurmati x’għandna nagħmlu u fejn irridu nmorru biex dawn is-sintomi jiġu trattati”, saħqet din l-omm.

Intant studju li ġie pubblikat ftit jiem ilu mill-Università ta’ Sheffield sab li qed ikun hemm każi fejn il-virus tal-Covid ikun għamel ħsara fil-pulmun.

F’dan l-istudju intużat teknoloġija ġdida fejn jidħlu l-‘iscannings’ u instab li hemm ħsara moħbija fil-pulmun li twettqet mill-Covidċ19. F’din ir-riċerka ħadet sehem ukoll l-Università ta’ Oxford.

Filfatt f’dan l-istudju intuża ‘hyperpolarised xenon gas’ flimkien ma’ scanning tal-MRI u dan biex jidnentifikaw l-impatt fuq il-funzjoni tal-pulmun f’pazjenti li jkunu irkupraw mill-Covid19. Dan kien neċessarju peress li scans standard u CT Scans bdew juru li kollox kien normali. 

F’dan l-istudju ħadu sehem 40  persuna u sa issa ġie identifikat li l-funzjoni tal-pulmun iddgħajfet fil-pazjenti kollha li kienu parti minn dan l-istudju, liema pazjenti qabel kienu mardu bil-Covid19.

Share With: