“Għada nħabbru miżuri ġodda… Fi żmien il-Karnival ma nistgħux nitilfu dak li ksibna s’issa” – Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara fil-Parlament li kieku daħħal curfew fuq il-pajjiż b’rabta mal-Covid19 dan kien ikisser is-saħħa mentali tan-nies.

Huwa rrimarka dan waqt li kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari fi tmiem stqarrija ministerjali li ta dwar l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li laqqa’ b’mod virtwali lill-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE.

Abela qal li l-pajjiż irnexxielu jikkontrolla l-pandemija għax il-Gvern ħa l-miżuri li kellu jieħu fil-mument opportun waqt li sejjaħ lid-deputati biex iħarsu lejn dak li qed jiġri fl-Olanda fejn id-deċiżjoni tal-curfew wasslet għall-vjolenza.

Huwa semma kif għada flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci se jħabbru miżuri għal matul Frar.

Waqt li eskluda ‘curfew’ jew ‘lockdown’, Abela qal li dawn il-miżuri se jkunu kalibrati biex fi żmien il-Karnival ma nitilfux dak li ksibna matul l-aħħar xhur.

Minbarra s-sitwazzjoni tal-pandemija Abela kien mistoqsi wkoll dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari u anke dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward tal-arrest tal-Kap tal-Oppożizzjoni fir-Russja.

Huwa rrefera għall-aħħar każ dwar id-dgħajsa bl-immigranti li spiċċat daħlet l-Italja u nsista li Malta hija ‘full-up’ u kien għalhekk li m’aċċettatx id-dgħajsa.

Abela stieden lill-Oppożizzjoni biex tappoġġja lill-Gvern kull meta tfeġġ dgħajsa li tkun trid tidħol Malta meta ma jkollhix għaliex tidħol f’pajjiżna.

Hawnhekk irrefera għall-kawża ffirmata mid-deputat u avukat Nazzjonalista Joseph Ellis u nsista li din kienet intenzjonata biex titfgħu fil-Ħabs.

F’dan il-mument qam Ellis fejn waqt li semma kif iffirma l-kwerela qabel tela fil-Parlament insista li ried biss reazjoni mill-Gvern dwar allegazzjoni għax kieku l-Gvern irreaġixxa ma kienx ikun hemm il-ħtieġa għaliha.

Dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny il-Prim Ministru sostna li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna hija l-istess waħda tal-UE.

Fid-diskors tiegħu Abela ikkritika wkoll lill-Oppożizzjoni għall-attakki fuq is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika minn persuni viċin tagħha u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech talli attakka ġurnalist waqt intervista u qallu “hands off il-ġurnalisti”.

Share With: