Edukazzjoni ħolistika permezz tal-kreattività u tal-kitba

“L-edukazzjoni hija wkoll l-edukazzjoni kreattiva li permezz tagħha l-istudenti jistgħu jużaw l immaġinazzjoni u l-ħsieb kritiku tagħhom biex joħolqu forom ġodda u sinifikanti ta’ ideat u  jitgħallmu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom. Gozo Live hija organizzazzjoni eċċellenti li tgħin lill istudenti tagħna jużaw il-ħiliet tal-kitba tagħhom u tnissel fihom l-imħabba għall-kitba”, qalet il Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt it-tmien edizzjoni ta’ avveniment ta’  parteċipazzjoni fil-kitba. 

Gozo Live, organizzazzjoni volontarja edukattiva mhux governattiva, imwaqqfa u mmexxija minn  Barbara Day, iċċelebrat il-kittieba żgħażagħ Għawdxin għat-tmien sena konsekuttiva. Kien hemm total ta’ 232 xogħol ta’ kitba minn 17-il skola differenti f’Għawdex li ġew sottomessi u li ngħataw  għarfien waqt laqgħa onlajn permezz ta’ MS Teams. 

Matul dan l-avveniment ġiet iċċelebrata l-kreattività bil-kitba u student li rrappreżenta kull skola li  pparteċipat qara l-kitba li ġiet ippreżentata mill-iskola rispettiva filwaqt li qasam mal-udjenza l ispirazzjonijiet, it-tamiet u l-ħolm tagħhom l-istudenti. 

Pamela Zerafa, uffiċjal edukattiv għall-Ingliż u li ospitat l-avveniment, tkellmet u intervistat lill istudenti. 23 sottomissjoni ġew inklużi fi ktieb li Gozo Live jippubblika kull sena. Dan kollu sar fil preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u tad-Direttur għal EcoGozo Joseph  Cutajar, kapijiet ta’ skejjel, assistenti kapijiet ta’ skejjel, kapijiet ta’ dipartimenti, ġenituri u studenti  oħra. 

Il-Ministru Justyne Caruana ferħet lil dawk kollha li pparteċipaw u rringrazzjat lill-organizzaturi għal  dan l-avveniment ta’ kull sena li mhux biss qed jgħin lill-istudenti tagħna fil-ħiliet tal-kitba tagħhom,  iżda wkoll jgħinhom fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. 

L-istudenti kollha li pparteċipaw ingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u ktieb li jingħata lir rappreżentant mill-iskola li pparteċipat fl-avveniment. 

Fi tmiem il-laqgħa tħabbar li għall-kompetizzjoni annwali tal-kitba li jmiss, sponsorjata minn  EcoGozo, is-sottomissjonijiet iridu jaslu sal-Ġimgħa 30 ta’ April 2021.

Share With: