Dun Anton D’Amato maħtur Direttur tal-Kummissjoni Migranti

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Anton D’Amato bħala Direttur tal-Kummissjoni Migranti, li kienet magħrufa bħala l-Kummissjoni Emigranti. Huwa qed jieħu post Mons. Alfred Vella li kien ilu jservi f’din il-kariga għal sbatax-il sena, u li issa qed imexxi l-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Dun Anton D’Amato ggradwa fl-2009 mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. Sentejn wara beda l-formazzjoni u l-istudji tiegħu għall-ħajja saċerdotali fis-Seminarju tal-Arċisqof u ggradwa fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-2019. Ġie ordnat saċerdot f’April 2018 u beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala chaplain ta’ Junior College. 

Il-membri tal-Kummissjoni Migranti huma l-Avukat Ibtisam Sadegh, il-Perit Etienne Fenech, Dr Rachel Taylor-East, Marija Zahra u Rose-Anne Abdilla. 

Il-Kummissjoni Migranti ilha għal dawn l-aħħar 60 sena tgħin lill-emigranti Maltin u l-familji tagħhom, kif ukoll lill-immigranti li ġew f’Malta biex isibu kenn. Fost ħidmietha, il-Kummissjoni toffri għajnuna lill-immigranti biex jgħixu b’dinjità u tgħinhom fil-proċess ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Maltija. 

Share With: