“Daħal għall-politka b’idejh indaf, u b’idejn indaf ħareġ minnha” – Mons Gorg Frendo O.P.

Minn Mons. Gorg Frendo O.P., Arcisqof ta’ Tirana-Durazzo

L-ewwel kumment tiegħi hekk kif waslitli l-aħbar tal-mewt ta’ ħabibi Joe kien sempliċement: “Tlift ħabib kbir”. U tabilħaqq lil Joe kont ili nafu minn mindu sirt saċerdot Dumnikan fl-1969. U matul l-24 sena li ilni l-Albanija qatt ma ġejt Malta għall-vaganzi u nqast li niltaqa’ miegħu, jew fid-dar tieghu f’Ħ’Attard, jew fid-Dar ta’ Santa Katerina fejn kien issetilja tul dawn l-aħħar snin. U ma kinitx tkun sempliċi tislima, imma diskursata twila. Għax Joe kien it-tip li kont tieħu gost titkellem miegħu. Fuqiex ma kienx jitkellem tul dik il-laqgħa ta’ ħbieb? Fuq l-esperjenza tiegħu fil-qrati, il-familja tiegħu, ir-riformi tal-Knisja, l-istorja, il-Knisja Maltija, u, ma setax jonqos, fuq l-Ordni Dumnikan.

Kien bniedeem li ħabb il-Knisja. Ma stajtx ma nammirahx għall-fatt li, għalkemm kien ħass il-weġgħa kbira tas-sittinijiet, meta kellu jiżżewweġ fis-sagristija – esperjenza qarsa li semmiegħa bosta drabi fil-kitbiet tiegħu – però ma baqa’ jħoss ebda rimors – lejn il-Knisja. Dejjem kien sinċier, u qatt ma pprova jidher ħelu billi juri wiċċ b’ieħor. Baqa’ kattolku prattikanti, iħoss mal-Knisja, iħossu wkoll imweġġgħa’ meta kien jitfaċċa xi skandlu fil-Knisja u li joskura l-Knisja. 

Niftakar meta jien u sieħbi Patri Pawl Cremona (Arcisqof Emeritu) konna għadna kemm ġejna lura Malta mill-istudji komplimentari, konna organizzajna laqgħa għas-saċerdoti Dumnikani Żgħażagħ (u dak iż-żmien konna ħafna) li għaliha xtaqna nisimgħu l-idejat ta’ żewġ politiċi dwar x’jistennew mis-saċerdot. Iż-żewġ politiċi kienu preċiżament il-Ministru Joe Micallef Stafrace u d-Deputat Ugo Mifsud Bonniċi. It-tnejn kellmuna bħala politiċi tabilħaqq Kattoliċi, li jemmnu fil-valuri nsara li jsawwru soċjetà b’saħħitha.

Xi snin ilu Joe kien fdali ittra interessanti ħafna li l-eks President Censu Tabone kien kitiblu fis-sena 2003 (jekk minix sejjer żball, kienet tweġiba għal ittra li Joe kien kiteb lil Censu ftit jiem qabel biex jifraħlu f’għeluq id-90 sena tiegħu). F’din l-ittra – li turi wkoll is-sentimenti nobbli ta’ Censu Tabone – il-kittieb qallu (se nikkwota bil-punteġġjatura ta’ Censu): “Kienet diżgrazzja li ma komplejtx fil politika, għax għandna ħafna bżonn ta’ nies bħalek; kulħadd jibqa’ jew ibiddel l-opinjoni tiegħu, mingħajr ma jsir għadu ta’ ħadd! … Skusani li sfugajt ftit migħeq, imma il-ħbiberija għaleq is-servi.”

Fiż-żmien qasir li Joe serva bħala Ministru wera ruħu bħala politiku onest. Daħal għall-politka b’idejh indaf, u b’idejn indaf ħareġ minnha. Imma baqa’ jservi lis-soċjetà bil-kapaċitajiet tiegħu. Qatt ma ħalla preġudizzji jegħlbuh, u anki meta kien responsabbli għax-xandir waqt it-taqtiegħa politika u l-elezzjonijiet ġenerali tal-1987, ma ħalliex il-lewn aħmar joskura l-blu, għax mexa bl-ikbar imparzjalità. Jalla, kif awguralu Censu Tabone, ikollna aktar politiċi bħalu.

Share With: