Aċċess aħjar għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tagħna: l-ippreżentar tal-atti tal-qrati kriminali online

L-effiċjenza fil-Qrati ta’ Malta u ta’ Għawdex hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern u  tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis għal din is sena. L-effiċjenza fil-qrati tilgħab rwol kruċjali fejn tidħol is-saltna tad-dritt u dan jaċċerta li ċ ċittadini, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-entitajiet kollha jaħdmu b’mod effiċjenti u jinżammu  responsabbli. Dan jista’ jsir biss jekk l-qrati joffru rimedji f’waqthom u ġusti.  

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jisħaq fuq il-punt li huwa inkwetanti li ċerti każijiet jittawlu  u jieħdu aktar ħin milli stipulat għall-ebda raġuni partikolari. Huwa proprju għalhekk li fiż żjara tiegħu fil-Qorti ħabbar il-pass li jmiss fejn tidħol diġitalizzazzjoni fil-qrati tagħna. Issa  wieħed ser ikun jista’ jippreżenta l-atti tal-qrati kriminali online. 

Il-proċess li bih wieħed jippreżenta atti tal-kriminal b’mod diġitali  

Il-Kap Eżekuttiv tal-Qorti Frank Mercieca spjega kif wieħed jista’ jippreżenta l-atti tal-qrati  kriminali online. L-ewwel ma jrid jagħmel huwa li jidħol fis-sit ecourts.gov.mt. minn hemm  hekk tista’ taċċessa jekk inti: 

a. professjonist legali jew l-Avukat Ġenerali billi tillogja bl-e-ID, u  

b. l-uffiċjal prosekutur jista’ jaċċessa mill-homepage fejn hemm indikat  Sottomissjoni tal-Atti – Kriminal.  

Teżisti din id-distinzjoni minħabba li l-aċċess għall-uffiċjal prosekutur huwa limitat għall-qrati  inferjuri u għalhekk m’hemmx bżonn ta’ login bl-e-ID, filwaqt li l-aċċess għall-professjonisti  legali u għall-Avukat Ġenerali huwa bl-e-ID għax jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe qorti u  diġa’ reġistrati bħala professjonisti legali fl-ecourts.  

Is-Sur Mercieca spjega wkoll kif min għandu bżonn jippreżenta, jista’ jagħmel dan mill kumdità tal-uffiċċju u jista’ jippreżenta kull ħin mingħajr ma joqgħod immur il-one-stop-shop u jistenna sakemm jiġi moqdi. Mill-att ta’ amministrazzjoni dawn l-atti tal-kriminal ser jiġu  proċessati dakinhar stess jekk l-att ikun ippreżentat onlajn fil-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru u jekk  jiġu ppreżentati onlajn wara l-ħinijiet tal-ftuħ jiġu proċessati l-għada. L-akbar benefiċċju ta’ din il-miżura ser jinħass fis-sajf minħabba li l-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru huma qosra skont il liġi. 

Wara din iż-żjara l-Ministru Zammit Lewis kellu laqgħa ta’ madwar disgħin minuta mal amministrazzjoni sħiħa tal-Qorti, fejn saħaq li għalkemm kull min hu involut fl-operat tal-Qrati  tagħna jwettaq xogħol tajjeb, hemm bżonn ta’ aktar effiċjenza. Huwa rringrazzja lill-membri  tal-amministrazzjoni għal xogħolhom u qal li ser ikun hemm dawn it-tip ta’ laqgħat b’mod  reġolari ħafna sabiex jiġi aċċertat li l-objettivi tal-gvern għal dan is-settur jintlaħqu.  

Fl-aħħar xhur, il-gvern beda jħejji eżerċizzju ambizzjuż biex jemenda l-qafas leġiżlattiv u  jinvesti favur sistema ta’ ġustizzja effiċjenti u effettiva. Riċentament tnedew żewġ proġetti  ambizzjużi, fosthom investiment ta’ madwar €5 miljun sabiex jiġi estiż il-bini tal-qrati fi żmien  sentejn u proġett ieħor fis-sistema ta’ awli fully-digitised fil-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta li  jagħtu lok għal teleconference.  

Flimkien mar-riformi, dawn il-proġetti jħejju t-triq għal ġustizzja aktar aċċessibbli għaċ ċittadin, biex b’hekk il-Maltin u l-Għawdxin dejjem ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-gvern.

Share With: