Sirjan mixli li kien qed iġorr sikkina mdaqqsa fil-Ħamrun

Sirjan ta’ 32 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li kien qed iġorr sikkina mdaqqsa mingħajr permess qrib il-kumpless Daniels fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. 

Mutlak Mohamed kien mixli wkoll li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li ma kienx liebes il-maskra f’post pubbliku.

L-Ispettur Roderick Attard spjega fil-Qorti kif ilbieraħ, għall-ħabta tal-5.00 p.m., il-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun kienu infurmati b’raġel li deher konfuż, mingħajr flokk u kellu sikkina f’idu. 

Huwa qal li n-nies kienu maħsuda b’dak li raw u uffiċjal tal-pulizija li mar fuq il-post irnexxielu jaljenah u jeħodielu minn idu.

Mohamed tressaq illum quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. 

L-Avukat Martha Mifsud dehret għas-Sirjan.

Share With: