Sentenza sospiża għal żagħżugħ li nstab ħati li tajjar u qatel raġel fl-Għadira

Ġuvni ta’ 23 sena mill-Fgura kien ikkundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li tajjar u qatel raġel li kien qed jaqsam ma’ bintu fit-triq tal-Għadira.

Jonathan Hili kien mixli li fid-9 ta’ Lulju 2016, għall-ħabta tas-6.45 a.m. fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, saq il-vettura Toyota Passo bi traskuraġni u ikkaġuna l-mewt ta’ Andrea Debattista.

Hili kien fi triqtu lejn Għawdex ma’ ħabib tiegħu, Christian Borg, mentri Debattista kien qed jasam it-triq ma’ bintu minorenni biex imorru lura lejn il-kamp li kien fih ma’ xi membri tal-familja.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima rriżulta li Hili kien qed isuq bejn dlam u dawl u x’ħin wasal ħdejn Popeye Village kien qed jammira l-veduta meta ntefa d-dawl tal-Gvern meta seħħ l-inċident.

Dan wassal lill-imsemmija maġistrat tirrimarka li missu qagħad aktar attent anke għall-fatt li Hili ammetta li lil Debattista ma rahx.

Fl-istess waqt hija semmiet kif il-vittma kien għaddej ‘il barra mis-sinjal l-abjad mal-art li jindika minn fejn għandhom jgħaddu n-nies, aktarx minħabba li kien hemm il-friegħi tas-siġar, u għalhekk kellu wkoll parti mit-tort.

Kien għalhekk li waqt li żammet lil Hili responsabbli għall-mewt ta’ Debattista ikkundannatu 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin kif ukoll skwalifikatlu l-liċenzja għal sitt xhur.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri

Share With: