Sena ta’ ħidma għalik

Dr Josianne Cutajar hija l-ewwel Għawdxija li saret Membru Parlamentari Ewropew fl-elezzjoni li kienet saret f’Mejju tal-2019, u għalhekk issa ilha sena u seba’ xhur taħdem f’diversi oqsma u tagħti sehem sħiħ biex diversi setturi jimxu ‘l quddiem. 

Is-sena li għaddiet ma kinetx eċċezzjoni. Għal Dr Cutajar, din is-sena hija mmarkata b’suċċessi mhux biss għaliex diversi rapporti ta’ ħidma li wettqet xogħol fuqhom għaddew mill-Parlament Ewropew, imma anke għax il-ħidma tagħha ġiet rikonoxxuta wkoll b’ħatriet importanti fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Tkellimna mal-Membru Parlamentari Josianne Cutajar dwar din is-sena li għaddiet. Sena li filwaqt li kienet immarkata mad-dinja kollha mir-restrizzjonijiet li ddaħħlu u mill-imxija tal-pandemija COVID-19, il-ħidma matulha ma qatgħet xejn.

Minkejja l-pandemija, il-ħidma fil-Parlament Ewropew kompliet għaddejja bis-sħiħ. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar ix-xogħol imwettaq?

Kif għidt qabel, il-pandemija iddettat ħafna mix-xogħol li sar. Imma meta nħares lura lejn din is-sena ta’ ħidma bħala Membru Parlamentari Ewropew, inħoss sodisfazzjon li komplejt nagħti s-sehem sħiħ tiegħi biex nimxu ‘l quddiem f’diversi setturi li fl-aħħar mill-aħħar gawda minnhom ukoll il-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

Ħdimt f’oqsma varji, li kollha kemm huma tawni sodisfazzjon. Sodisfazzjon għax qed nagħti lura sehmi – qed inrodd lura l-fiduċja li tani l-poplu Malti f’Mejju tal-2019.

Il-ħidma tiegħi tifrex f’qasam li nħoss li huwa importanti ferm u wkoll hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza u ħidma dwaru – is-sehem tal-mara fis-soċjetà, ir-rwol tagħha, u l-ugwaljanza tal-ġeneru. F’dawn l-aħħar snin kien hemm passi tajbin ‘l quddiem fejn tiħdol ugwaljanza tal-ġeneru u tista’ tgħid li dan l-argument qiegħed jingħata prijorità. Imma minkejja dan, għad hemm ħafna x’naqdfu u xogħol x’isir u għalhekk se nkompli nagħtih prijorità. 

Qasam importanti ieħor hu fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal tagħna. Ebda investiment, deċiżjoni jew strateġija ma tiswa jekk qabel xejn ma nkunux assigurajna li fis-soċjetà tagħna t-tfal huma mħarsa. Bħala Membru Parlamentari tkellimt fuq l-isfruttament tat-tfal, l-aktar sesswali, fid-dawl ta’ strateġija mill-Kummissjoni Ewropea biex niġġieldu bis-serjetà l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal. Huwa xokkanti n-numru ta’ rapporti ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal. Allarmanti l-fatt li s-sena l-oħra biss rrapurtaw mas-70 miljun ritratt li fih seta’ kien hemm abbuż sesswali fuq minorenni. Jidher ċar li filwaqt li tajnihom ħafna importanza f’ħajjitna biex jagħmluhielnha aħjar, il-mezzi diġitali f’idejn min irid jużahom ħażin huma għodda mill-aktar perikoluża li permezz tagħhom tifel jew tifla faċilment jispiċċaw fil-mira ta’ kriminali.

Waħda mill-akbar sodisfazzjon li kelli hija dik fl-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew għal din is-sena meta ttieħed b’suċċess il-vot dwar ir-rapport li kont ilni naħdem fuqu, dak dwar l-Istrateġija Ewropea għan-Negozji Żgħar u Medji. L-istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji hija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex. F’dan ir-rapport kelli rwol ewlieni biex jidħlu diversi emendi bżonjużi u kruċjali għall-irkupru tas-settur tal-intrapriżi żgħar u medji fix-xhur li ġejjin.

Settur ieħor huwa dak li nemmen li huwa importanti ferm għal pajjiżna. F’Ottubru li għadda vvutajt favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin. Ma stajtx nivvota favur il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni għax dan ma jaħsibx fil-bżonnijiet speċifiċi li għandhom l-bdiewa u r-raħħala fil-gżejjer bħal tagħna. Bħalma nsostni fuq suġġetti oħra, li jgħodd għall-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżi kbar, mhux neċessarjament huwa fl-interess tal-operaturi fis-settur agrikolu ta’ gżira ċkejkna. 

Għal qalbi ferm ukoll is-settur turistiku. Huwa magħruf li bil-COVID-19 is-settur tal-ivjaġġar u t-turiżmu ntlaqat sew. It-turiżmu huwa pilastru ewlieni fil-kuntest soċjoekonomiku u jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fil-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi. Għalhekk il-ħidma tiegħi matul is-sena li għaddiet u li ġejja, kemm fit-Task Force dwar it-Turiżmu u wkoll f’fora oħra, fosthom il-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu fil-Parlament Ewropew u l-Intergrupp SEARICA, biex ikun hemm ħidma kollettiva ħalli ngħinu lil dan is-settur jerġa jirpilja – u wkoll inressqu lil dan is-settur għal wieħed sostenibbli u reżiljenti.

Inkun fuq quddiem biex niddiskuti u nħares l-interessi ta’ pajjiżna f’politiki li jaffettwaw lill-gżejjer. Il-gżejjer reġjuni fl-Ewropa jgħaqqdu bejniethom 15-il miljun persuna. Gżejjer li kollha għandhom l-identità tagħhom, jaffaċċjaw kważi l-istess diffikultajiet, fosthom restrizzjonijiet naturali, daqs limitat tas-suq, aċċessibilità u konnettività mnaqqsa, spejjeż ogħla għaċ-ċittadini u n-negozji u vulnerabbiltà ambjentali għolja. Dan huwa suġġett ukoll għal qalbi ħafna, ovvjament fl-isfond li jien Għawdxija – gżira li minnha nfisha wkoll għandha l-isfidi doppji tagħha. Naħdem f’din l-isfera bħala membru tal-kumitat REGI li fih nittrattaw il-politika reġjonali u wkoll bħala membru tal-Intergrupp SEARICA fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Rapport ieħor fost ħafna li ħdimt fuqu f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi u li l-Parlament Ewropew ivvota favuru huwa dak dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili b’rabta ma’ prodotti li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali. Dan iwitti t-triq għall-Kummissjoni Ewropea biex tistabilixxi reġim li skontu tintrefa’ r-responsabbiltà ċivili fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, bħal meta jkun hemm danni kkawżati minn vetturi awtomatizzati. Liġi bħal din tkompli tagħti ċertezza legali u ssaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fi prodotti li jaħdmu bl-AI biex b’hekk jikber is-suq Ewropew għal dawn il-prodotti.

Hemm ħafna xi tgħid. Il-ħidma fil-Parlament Ewropew ma taqta’ xejn!

Esperjenza li kważi għalqet is-sena ta’ ħidma tiegħek kienet żjara fil-Caritas.

Il-pandemija ġabet sfidi ġodda però ma nistgħux ninsew il-pjagi ta’ kull żmien. Kienet żjara pożittiva ferm u li għallmitni ħafna dik li għamilt lir-residenti tal-komunità ta’ San Blas. Iktar milli nitkellem jien dwar din iż-żjara, naqsam messaġġi li għaddewli r-residenti stess.

Huwa importanti bħala soċjetà li ma niġġudikawx lill-persuni ta’ madwarna. Kulħadd jgħaddi jew għaddej minn tbatija differenti. Persuni li jkunu abbużaw mid-droga wkoll ikunu għaddejjin minn diffikultajiet li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna lkoll – żgur li m’għandhomx bżonn lil min jaqtagħlhom qalbhom jew jiġġudikahom.

Huwa mportanti li lil dawn il-persuni nħeġġuhom u nagħmlulhom kuraġġ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Ħafna persuni li jkunu għadhom ħerġin minn vizzji u jkunu qed jipprovaw jaqbdu t-triq lura għan-normalità jisbuha diffiċli biex jintegraw lura fis-soċjetà.

Għalhekk irridu nkunu aħna lkoll li nagħmlulhom kuraġġ – ringrazzjament hawnhekk lil dawk kollha li jaħdmu ma’ dawn il-persuni, lil dawk kollha li jilqgħuhom fl-ażjendi tagħhom. Dan jagħti dinjità lil dik il-persuna u jfisser ħafna.

U dan jgħodd għal persuni oħra li għandhom diffikultajiet varji u jeħtieġu l-għajnuna tagħna.

Iva kienet żjara li żgur se tibqa’ mmarkata f’moħħi. Messaġġ ta’ kuraġġ ukoll lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli biex ma jaqtgħux qalbhom u ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna. 

Kellek sena li matulha ngħatajt responsabbiltajiet fuq livell Ewropew.

Iva, din is-sena kienet immarkata wkoll b’għadd ta’ ħatriet fi ħdan il-Parlament Ewropew. L-aħħar ħatra hija dik ta’ Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità tal-SME Connect li permezz tagħha se naħdem fl-interessi ta’ negozji żgħar u medji f’setturi importanti għal pajjiżna. F’isem is-Soċjalisti u Demoktratiċi din is-sena nħtart ukoll bħala l-Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet mal-Kontinent Awstraljan u dak ta’ New Zealand (DANZ).

Kif għamilt sa’ minn meta ġejt eletta Membru Parlamentari Ewropew, il-ħidma tiegħi se tkompli għaddejja għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu. 

Minn qalbi nieħu din l-opportunita` biex nawguralkom l-isbaħ xewqat għas-sena 2021. 

Share With: