Sal-Milied tinfetaħ l-aħħar triq tal-proġett tal-Marsa

Infrastruttura Malta qed timmira li sal-Milied tiftaħ l-aħħar triq tal-Marsa Junction Project biex b’hekk ikunu lesti t-12-il kilometru ta’ toroq ġodda ta’ dan il-proġett kif kien ippjanat oriġinarjament. 

L-aħħar triq li se tinfetaħ wara li nbniet mill-ġdid flimkien mat-toroq arterjali l-oħrajn li jingħaqdu f’din il-ħolqa hija Triq il-Labour, li tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro ma’ Vjal Sir Paul Boffa, fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Kordin, Raħal Ġid u l-Kottonera.

Permezz tas-seba’ flyovers ġodda li nbnew bħala l-qofol ta’ dan il-proġett, 12-il kilometru ta’ korsiji issa jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti bla interruzzjonijiet bejn ir-rotot ewlenin li jingħaqdu flimkien f’din l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fit-toroq Maltin.

B’hekk jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm bis-sistema ta’ traffic lights tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta, filwaqt li jonqos it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. 

Sadattant, miexi x-xogħol fuq il-bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li jiffurmaw parti mill-istess proġett.

Dawn il-faċilitajiet kollha għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, flimkien maż-żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar  u pjanti ġodda li Infrastructure Malta qed tifforma madwar il-flyovers, se jkunu lesti fl-ewwel xahrejn tas-sena l-ġdida. Dawn se jkollhom ukoll ix-xogħlijiet artistiċi li erba’ timijiet t’artisti differenti qed jipproduċu bħalissa. 

Madwar din l-infrastruttura ġdida, l-aġenzija qed tibni wkoll ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija taż-żoni mħaddrin.

Il-kuntratturi tal-proġetti qed ilestu wkoll aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. 

Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project issa ilhom xahar li bdew jintużaw kollha f’daqqa. It-tliet strutturi ta’ flyovers li tlestew fl-2019 issa huma miftuħin fid-direzzjoni proprja tagħhom, lejn it-tramuntana, wara li għal 14-il xahar kienu ntużaw b’mod temporanju fid-direzzjoni opposta.

Dawn it-tliet flyovers issa qed jiffurmaw konnessjoni diretta b’żewġ korsiji mill-karreġġjati tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija u ta’ Triq Giuseppe Garibaldi, f’Ħal Luqa, lejn Triq Aldo Moro, il-Marsa, fid-direzzjoni ta’ Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Belt Valletta, fost lokalitajiet oħrajn fiċ-ċentru ta’ Malta. 

It-tliet flyovers li jgħaddu minn taħthom jinkludu korsiji diretti li jgħaqqdu Triq Aldo Moro mal-karreġġjati tan-nofsinhar ta’ Vjal Santa Luċija u Triq Garibaldi, lejn Santa Luċija, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, l-Gudja u lokalitajiet oħra fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. 

Is-seba’ flyover ta’ dan il-proġett tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija mal-korsiji ġodda li jwasslu għaċ-Ċmiterju tal-Addolorata, il-park and ride ġdid li qed jinbena bħalissa u ma’ Triq il-Gvern Lokali, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi (ħdejn iċ-Ċmiterju tat-Torok). 

Il-Marsa Junction Project, l-akbar investiment ta’ €70 miljun li qatt sar fl-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, huwa ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-UE.  

Share With: