Rodry Ann Maria Celeste onorata bil-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2020

Tliet ħaddiema u erba’ organizzazjonijiet ġew onorati waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali  Ħaddiema tas-Sena 2020 li ttellgħet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mill-Ministeru fl-Uffiċju  tal-Prim Ministru taħt il-patronċinju distint tal-President ta’ Malta George Vella. 

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena ta’ din is-sena sar bit-tema ‘Niċċelebraw is-Suċċess tal Ħaddiema Tagħna’. Ta’ kull sena dan il-premju jirrikonoxxi ħaddiem jew ħaddiema li b’xi mod jew  ieħor ikunu ddistingwixxew irwieħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, kienu ta’ eżempju għal  ħaddiema oħrajn, jew introduċew prattiċi ġodda jew differenti ta’ operat li jtejbu l-effiċjenza. Fuq  kollox, il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena jiċċelebra lill-ħaddiem li huwa simbolu tal-progress  kontinwu ta’ pajjiżna. 

Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena ngħata lil Rodry Ann Maria Celeste, ICT Support Officer fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Is-Sinjorina Celeste ħadmet b’impenn li jaqbeż id-dmirijiet  normali u b’mod professjonali u edukat għenet biex jitħaffu l-proċessi tas-servizz pubbliku. Is Sinjorina Celeste hija eżempju ċar ta’ role model, b’kontribut fit-tħaddim b’suċċess ta’ servizzi  teknologiċi bl-ogħla kwalità kif mistenni mis-servizz pubbliku u apprezzati mill-utenti interni u  esterni. 

It-Taqsima tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE) tal-Korp tal-Pulizija, ngħatat il-Premju tat Tim tas-Sena, fid-dawl tat-twessigħ fid-dmirijiet tagħha fil-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll talli fl eqqel tal-pandemija tal-Covid-19 ħadet irwol bħala frontliner billi wettqet spezzjonijiet f’residenzi  ta’ persuni pożittivi jew fi kwarantina. 

Il-Premju Maniġer tas-Sena lil Charmaine Eshout, kap tal-iskola medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ  Santa Margerita, tax-xogħol li wettqet biex din l-iskola saret fost l-aqwa skejjel fil-pajjiż. Bl-impenn  estensiv tagħha hija ġġenerat titjib kollettiv tax-xogħol b’impatt fuq il-komunità u b’sistemi ta’  tmexxija inklussivi li jispiraw u jimmotivaw lill-istaff, studenti u ġenituri. 

Il-kumpanija Baxter Ltd kienet rikonoxxuta bil-Premju tal-Organizzazzjoni tas-sena li tħaddem u  tippromwovi miżuri favur il-familja. Il-kumpanija adattat ruħha għall-isfidi tal-pandemija COVID 19 billi pproduċiet prodotti u servizzi meħtieġa waqt il-pandemija. Dan filwaqt li ffavoriet flessibilità  fl-aqwa interess tal-ħaddiema u l-familji tagħhom billi ħadet ħsieb li torganizza akkomodazzjoni  proviżorja u kumpens adegwat għall-ħaddiema tagħha.

L-aġenzija ta’ Malta għat-teknoloġija tal-informazzjoni (MITA) rebħet l-unur tal-Premju tas-Sena  għall-Organizzazzjoni li tippromwovi Sostenibbiltà u/jew Responsabbiltà Soċjali, għax-xogħol li  wettqet biex ittejjeb is-sistema tal-informatika fid-Dar tal-Providenza. Id-Dar issa hija attrezzata bl internet għar-residenti u l-viżitaturi f’dan l-ikbar proġett soċjali li wettqet din l-aġenzija fl-aħħar snin. 

Il-Kaptan Emanuel Bugelli mit-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi  fi ħdan il-General Workers’ Union, rebaħ il-Premju tar-Rappreżentant ta’ Trade Union tas-Sena. Is Sur Bugelli ressaq ‘il quddiem il-proposti għal ftehim settorjali u kien solidali b’azzjoni konkreta  meta saru allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ 12-il membru tal-ekwipaġġ tal-Patrol Boat P52 li sabu  ruħhom suġġetti għal inkjesta maġisterjali. Il-Kaptan Buġelli kien rikonoxxut għall-irwol speċjali u  eżemplari tiegħu f’dan il-każ straordinarju. 

Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija kienet rikonoxxuta bir-rappreżentant ta’ min  iħaddem tas-sena, għas-servizz lill-membri tagħha u għall-konsultazzjonijiet mal-gvern li wasslu għal  erba’ pakketti ta’ stimolu u l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. B’għajnuna lil min iħaddem biex  jitħarsu l-impjiegi, il-Kamra kellha sehem primarju f’dawn in-negozjati mal-gvern bil-perspettiva ta’  min iħaddem, bil-viżjoni tagħha għal pajjiż sostenibbli. 

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela stqarr li x-xogħol ma  jipprovdix biss għixien imma jagħti wkoll identità, u li qatt daqs din is-sena ma fhimna l-essenza tax xogħol u l-importanza tiegħu. Huwa rringrazzja lis-sidien ta’ negozji li minkejja kull għawġ din is sena għamlu dak kollu possibbli biex lill-ħaddiema tagħhom żammewhom fix-xogħol – u b’hekk  issalvawgwardjaw l-għixien tal-familji ta’ dawn il-ħaddiema – eluf fuq eluf ta’ imprendituri  b’kuxjenza li lill-impjegati jarawhom bħala bnedmin sħaħ. 

Filwaqt li rrimarka li pajjiżna baqa’ jirreġistra livelli ta’ qgħad baxxi u minkejja kull sforz kien hemm  min tilef l-impjieg tiegħu. Il-Ministru Abela qal li l-gvern mhux biss iwieżen lil dawn in-nies iżda  jgħin biex dawn isibu xogħol ġdid illum qabel għada. Il-ministru għadda wkoll messaġġ sabiex  ngħożżu l-paċi industrijali f’pajjiżna billi jkompli għaddej il-proċess ta’ djalogu soċjali bejn il-gvern,  min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema sabiex il-ħaddiem ma jitwarrabx anke fl-isfond ta’  żviluppi ġodda fil-qasam tax-xogħol. 

Huwa temm billi qal li filwaqt li din is-sena kulħadd ġibed l-istess ħabel kontra l-pandemija tal-Covid 19, appella biex kulħadd ikompli jaħdem katina waħda fis-sena li ġejja ħalli Malta tkun qabdet sew  it-triq ta’ rkupru fl-ispirtu tat-tagħlimiet li wieħed iġorr waqt dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Share With: