“Naqblu li jsir it-tibdil fil-liġi tad-divorzju, imma mhux biżżejjed”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, joqrob lejn l-ewwel 100 jum ta’ ħidma tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, qiegħed joqrob għall-ewwel 100 jum ta’ ħidma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn qal li minkejja tilef il-libertà, huwa sodisfatt li dak li qiegħed jagħmel qiegħed iħalli l-frott. F’intervista fuq in-NET FM Grech tkellem dwar l-emenda fil-liġi dwar id-divorzju fejn sostna li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jsir dan it-tibdil imma miegħu jrid isir tibdil ieħor fosthom dak tal-manteniment u d-dewmien fil-proċeduri legali. 

Grech filwaqt li ammetta li fl-imgħoddi huwa kien kontra l-liġi tad-divorzju, ammetta li jaqbel li jsir it-tibdil f’din il-liġi. Huwa qal li s-sistema, il-liġi u kif jaħdmu l-affarijiet mhumiex perfetti u li f’dan ir-rigward hemm bżonn ta’ tibdil kbir minħabba li l-perjodi stabbiliti mil-liġi jistgħu jkunu ta’ eternità għall-familja involuta. 

“Aħna qegħdin naqblu li jsir dan it-tibdil imma din biss mhix biżżejjed. Se noħorġu proposti oħra fosthom kif ikun ikkalkulat il-manteniment,” kompla Grech. Huwa qal li l-manteniment m’għandux ikun deċiż ta’ dak il-ħin u li hemm nies li ma jifilħux iħallsu u jridu jħallsu, mentri hemm min jiflaħ iħallas u fir-realtà, dan iħallas inqas. Huwa qal li hemm bżonn ukoll li nindirizzaw id-dewmien tal-proċeduri u problemi oħra biex din ir-riforma tagħmel tassew il-ġid għall-familji.

“Dawn l-aħħar xahrejn huma ta’ sodisfazzjon kbira għalija. Fir-realta fil-ħajja politika, 100 jum huma ftit għax tkun qiegħed tibni imma irnexxielna nagħtu bidu għal tiġdid sħiħ fil-partit,” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa qal li bħalissa bla dubju l-pandemija tal-Covid-19 tiddomina iżda jħoss li f’ċerti aspetti n-nies għarfet terġa’ tiskopri dak li jgħodd bħala valuri u sostna li, ”minkejja dak li għaddejjin, bħala poplu nistgħu nieħdu aktar ġid milli deni”. Il-Kap tal-PN qal li qiegħed jittama li t-tilqima tal-Covid-19 tiġi u titqassam imma insista li m’għandniex naħsbu li t-tilqima waħidha hija s-soluzzjoni għax xorta rridu nsegwu r-regolamenti u l-miżuri. 

Grech fakkar li f’din il-pandeemija hawn persuni maqtugħa għalihom u li bħala poplu, filwaqt li huwa tajjeb li nkomplu bil-ħajja normali, għandna niftakru li hawn nies li qegħdin ibatu u importanti li naħsbu f’saħħet kulħadd.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni f’din l-intervista, barra li kompla bil-kritika tiegħu lejn il-Gvern, attakka wkoll lil Silvio Parnis u qal li huma talbu r-riżenja tiegħu għax wasslu dak li ħassu n-nies u sostna li r-reshuffle fil-Gvern juri inkompetenza mentri skont huwa, il-bidla fil-PN qiegħda ssir wara tul ta’ żmien.

Share With: