Malta taqbel mal-kumplament tal-UE dwar tnaqqis fl-emmissjonijiet ta’ 55% sal-2030 – Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru jesiġi li m’għandhomx ikunu mwarrba r-realtajiet ta’ pajjiżi bħal Malta

Fi tmiem il-Kunsill tal-Mexxeja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala pajjiż qbilna mal-pajjiżi l-oħrajn li sal-2030 ikollna tnaqqis fl-emmissjonijiet ta’ 55%, imma għamilna l-punt b’saħħtu li aħna bħala l-iżgħar gżira stat membru tal-Unjoni Ewropea għandna r-realtajiet tagħna u jkun inutli li jitpoġġew piżijiet fuqna li ma nkunux nifilħu għalihom.

“Filwaqt li qbilna mat-tnaqqis fl-emmissjonijiet għidna wkoll li aħna per capita, ras għal ras, l-inqas pajjiż li nħammġu u allura għidna li dan il-punt kellu jittieħed inkunsiderazzzjoni. Kollox minn kollox ninsabu sodisfatti ħafna b’dak li rnexxilna niksbu fil-konklużjonijiet finali tal-Kunsill fuq it-tema ambjentali”, stqarr il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li bħala pajjiż ninsabukuntenti wkoll bil-konklużjonijiet dwar il-Libja, fejn hemmhekk wasalna sabiex ikun hemm ftehim biex isirinvestiment fil-gwardja tal-Kosta Libjana sabiex jitrażżan it-tluq tal-immigranti mil-Libja u tkun ikkontrollata l-isfida tal-immigrazzjoni.

“Bħala pajjiż konna katalisti sabiex il-Kunsill wasal għal ftehim dwar il-mod kif se jingħataw il-fondi marbuta mat-tema tas-saltna tad-dritt u għalhekk issa kburi li jista’ jibda l-infiq ta’ dawn il-fondi sabiex fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-familji Maltin u Għawdxin”, spjega l-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru stqarr ukoll li l-Covid kienet tema oħra li ġiet diskussa u semma kif il-pajjiżi kollha kienu qed jitkellmu dwar kif issa bis-saħħa tal-vaċċin hemm fl-aħħar it-tama. Dr Abela semma li kienet diskussa wkoll id-data ta’ meta se jkun hemm l-awtorizzazzjoni tal-vaċċin fuq livell Ewropew, dik tad-29 ta’ Diċembru li ġej u tenna li minn dik id-data ’l hemm se jkun hemm id-distrubuzzjoni tal-vaċċin.

Dr Abela qal li  f’Malta għandna assigurati numru ta’ dożi sabiex il-poplu kollu jkun imlaqqam filwaqt li ntqal ukoll li t-teħid tal-vaċċin se jibqa’ jkun b’mod voluntarju, iżda l-appell huwa sabiex dan jittieħed.

“Il-vaċċin se jkun gamechanger fejn meta l-istati membri se jkunu bdew ilaqqmu lin-nies tagħhom, hemmhekk se nkunu nistgħu nibdew verament bl-irkupru ekonomiku u soċjali”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Share With: